Minn tal-inqas 12-il persuna tilfu ħajjithom u għexieren oħrajn sofrew ġrieħi waqt diżastru tal-folla li seħħ f’maqdes ta’ Ħindu ġewwa l-Indja. Dan il-każ seħħ fil-jum tal-Ewwel tas-Sena.
Pulizija qalu li dan seħħ hekk kif żvolġa argument bejn id-devoti preżenti fil-maqdes ta’ Mata Vaishno Devi ġewwa Kashmir. Dan il-post qaddis iżuruh eluf ta’ persuni kuljum, u fil-jum li seħħ il-każ kien hemm iktar nies mis-soltu minħabba l-vaganzi.
Minħabba l-pandemija, l-awtoritajiet kienu ħarġu ordni li dan il-post ma jistgħux iżuruh iktar minn 25,000 persuna kuljum. Hu mifhum iżda li fl-aħħar jiem kienu qed jiddaħħlu iktar nies milli suppost.