Minn tal-inqas 12-il persuna tilfu ħajjithom u għexieren oħrajn sofrew ġrieħi hekk kif nirien żvolġew fi stabbiliment tad-divertiment ġewwa l-belt ta’ Ho Chi Minh fil-Vjetnam.
In-nirien żvolġew fis-sulari ta’ fuq tal-istabbiliment u dan wassal biex għadd ta’ klijenti sfaw maqbuda tant li erba’ persuni rnexxielhom jaħarbu billi qabżu mit-tieni u t-tielet sular. Fortunatament dawn ħelsuha ħafif.
Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar kienu fuq il-post fi ftit ħin hekk kif żvolġew dawn in-nirien u huma rnexxielhom jikkontrollawhom f’ħin ta’ siegħa. S’issa għadu mhux magħruf x’wassal għal dawn in-nirien.
Sfortunatament dan hu t-tieni każ fi żmien xahar fejn nirien żvolġew fi stabbilimenti tad-divertiment ġewwa l-Vjetnam. Fil-każ tax-xahar li għadda tliet ħaddiema tat-tifi tan-nar tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jikkumbattu n- nirien li żvolġew fi stabbiliment ġewwa l-belt ta’ Hanoi.