Tuesday, December 24, 2024

Minn tal-inqas 26 persuna jitilfu ħajjithom kawża ta’ nirien ġewwa l-Alġerija

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 26 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li għexieren sofrew ġrieħi kawża ta’ nirien kbar li ħakmu foresta fit-Tramuntana tal-Alġerija. Kamel Beldojoud, li huwa l-Ministru tal-Intern tal-Alġerija, qal li fil-belt ta’ El Tarf biss tilfu ħajjithom 24 persuna. Din il-belt tinsab qrib il-fruntiera mat-Tuneżija. 

Dawn in-nirien huma kbar ħafna tant li l-ħaddiema tat-tifi tan-nar, megħjuna minn ħelikopters, għadhom qegħdin jipprovaw jikkontrollawhom. L-aġenzija tal-protezzjoni ċivili ta’ El Tarf qalet li s-sitwazzjoni hija waħda prekarja u fil-preżent hemm 16-il żona differenti maħkuma min-nirien.  Sfortuntatament it-Tramuntana tal-Alġerija ta’ kull sena jintlaqat minn nirien, tant li s-sena li għaddiet tilfu ħajjithom 90 persuna filwaqt li iktar minn 100,000 ettaru ta’ art inqerdu. B’kollox din is-sena diġà tilfu ħajjithom 30 persuna f’każijiet simili ġewwa dan il-pajjiż. 

Huma bosta dawk il-pajjiżi madwar il-Mediterran li matul dan is-sajf esperjanzaw nirien kawża tas-sħana li qiegħda tagħmel. Pajjiżi Mediterranji Ewropej kienu fost l-iktar milqutin u ewlenin fost dawn kien hemm Franza, Spanja, il-Greċja, il-Portugall u anke l-Italja. Il-ġimgħa li għaddiet stess, iktar minn 1,000 pumpier kienu qegħdin jissieltu nirien deskritti bħala “mostrużi” f’Bordeaux ġewwa Franza. 

Ekonomija

Sport