Minn tal-inqas 30 persuna tilfu ħajjithom u 700 sofrew ġrieħi fi ġlied bejn il-forzi tas-sigurtà tal-Iraq u attivisti ta’ kleriku politiku Xija li jgawdi appoġġ qawwi. Dan il-każ seħħ fil-kapitali Baghdad.
Il-każ żvolġa hekk kif dimostranti leali lejn il-kleriku Moqtada al-Sadr daħlu bil-forza ġewwa l-palazz presidenzjali, u dan hekk kif ftit qabel Sadr kien ħabbar li se jirtira mill-politika.
Il-partit politiku ta’ dan il-kleriku kien rebaħ l-ikbar numru ta’ siġġijiet fil-parlament fl-elezzjonijiet li saru f’Ottubru li għadda, iżda baqa’ jirrifjuta li jinnegozja max-Xiti appoġġjati mill-Iran biex jiġi ffurmat gvern ġdid. Dan wassal biex fil-pajjiż inħoloqt insabbiltà politika kbira.
Il-ġlied li kien hemm fl-aħħar sigħat kien deskritt bħala l-agħar wieħed fil-kapitali Iraqqina f’dawn l-aħħar snin. Il-maġġoranza tal-ġlied kienet ikkonċentrata madwar iż-Żona l-Ħadra tal-belt, li fiha hemm numru ta’ binjiet governattivi u anke ambaxxati barranin. Fid-dawl ta’ din l-instabbiltà, il-ħaddiema tal-ambaxxata Olandiża kellhom jiġu evakwati u ttieħdu fl-ambaxxata tal-Ġermanja.
Uffiċjali tas-sigurtà tal-pajjiż qalu li l-vjolenza kienet bejn il-Brigata tal-Paċi – leali lejn Sadr – u membri tal-militar tal-Iraq. Kawża ta’ dan, l-Iran immedjatament għalaq il-fruntiera mal-Iraq filwaqt li l-Kuwajt ħeġġeġ liċ-ċittadini tiegħu biex jitilqu mill-pajjiż.
Dwar din l-instabbiltà, kelliemi għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres qal li huwa jinsab allarmat ħafna b’din il-vjolenza u ħeġġeġ għall-waqfien immedjat mill-ġlied.
Sadr kien darba alleat tal-Iran, iżda f’dawn l-aħħar snin tbiegħed minn dan il-pajjiż ġar u beda jħaddan iktar politika ta’ nazzjonaliżmu li tisħaq dwar it-tmiem tal-influwenza tal-Istati Uniti u l-Iran fuq il-politika interna tal-Iraq. Sadr għandu ħafna segwaċi, u dan hu wieħed mill-ftit politiċi fil-pajjiż li kapaċi jimmobilizza eluf ta’ persuni.