Żona li kienet intenzjonata għall-iżvilupp u li tinsab f’żona żviluppabbli fis-Siġġiewi qed tiġi ttrasformata fi spazju miftuħ li se jservi bħala ġnien għall-qari.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien mat-tim ta’ Project Green u s-Sindku tas-Siġġiewi Julian Borg, żaru x-xogħlijiet fi Ġnien Dun Nicholas Cachia.
Bħalissa, f’dan is-sit ta’ madwar 1,000 metru kwadru, qed isir xogħol strutturali fuq il-passaġġi tal-ġnien kif ukoll sar xogħol ta’ skavar fuq ġibjun li se jkun qed jissupplixxi ilma għat-tisqija tal-ġnien.
“Dan huwa ġnien li qed naħdmu flimkien mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fejn identifikajna spazju f’żona ta’ żvilupp u rajna li minflok tiġi żviluppata, inkunu qegħdin noħolqu ġnien għall-familja li għandu idea innovattiva u differenti għaliex se jkun magħluq bħala reading garden, jiġifieri post fejn in-nies jistgħu jiġu u jirrikreaw ruħhom u fl-istess waqt jiffukaw fuq xi ħaġa sabiħa bħall-qari. Min-naħa tagħna għaddejjin bil-ħidma fuq numru ta’ proġetti li jvarjaw minn parks sa spazji miftuħa fl-urban. Fiż-żmien li ġej se nkomplu għaddejjin bl-istess ritmu ta’ xogħol biex aktar komunitajiet igawdu minn spazji miftuħa,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-ġnien ġie msemmi għal qassis mis-Siġġiewi li ta sehem attiv fil-lokalità fejn ħadem qatigħ biex jimmodernizza l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Knisja bil-għan li l-messaġġ jasal għand il-familji Maltin u Għawdxin b’aktar mod effettiv u addattat għaż-żminijiet tal-lum. Fl-2015, Dun Nicholas kompla bil-ħidma pastorali tiegħu fi Florida fl-Amerika.
Il-Project Manager f’dan il-proġett David Ellul spjega li f’dan il-proġett se tkun qed terġa’ tintuża l-istess ħamrija li kienet fis-sit qabel. “Ġnien Dun Nicholas Cachia huwa proġett ieħor li qed naħdmu fuqu bħala Aġenzija. Dan il-ġnien jinkorpora fih l-elementi ta’ sostenibbiltà hekk kif qed nerġgħu nużaw ħamrija li sibna f’dan is-sit stess, kif ukoll qed naraw li ninkludu pjanti indiġeni adattati skont il-klima ta’ Malta,” qal Ellul.

