Minorennj ta’ 15-il sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li tliet ġimgħat ilu ħarab miċ-Ċentru Terapewtiku tal-Ibwar fis-Siġġiewi. Huwa kien mixli wkoll li fis-16 ta’ Lulju għamel ħsara fuq monitor ġewwa l-Isptar Mater Dei, liema ħsara tammonta għal ammont sostanzjali ta’ flus.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Paul Camilleri u Antonello Magri qalet li fit-28 ta’ Ġunju li għadda, iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia. Iżda, l-arrest tiegħu ma kienx ikkonvalidat minħabba nuqqas ta’ informazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni qalet li huwa kien qed jgħix f’ċentru għar-riabilitazzjoni kontra d-droga u l-għada li tressaq il-Qorti kien ħarab mill-post. Wara tfittxija estensiva, l-imputat instab fil-Marsa u sussegwentement ġie arrestat.
L-istess imputat beda jilmenta li kien qed ibati minn uġigħ f’sidru u ttieħed l-Isptar. Kien hawn fejn huwa allegatament kisser screen li jintuża għall-kura tal-pazjenti u dan kollu għax ried sigarett.
Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li ordnat li kellu jibqa’ miżmum taħt arrest preventiv.
L-avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud dehru għall-akkużat.