Friday, December 13, 2024

Minuri ħadet b’qerq aktar minn €13,000 mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali… kixfet intermedjarju u disposta tħallas kollox lura

Il-Qorti tgħid li problemi soċjali kellhom rwol fiċ-ċirkostanzi li wasslu lit-tfalja biex tikkommetti r-reati

Aqra wkoll

Tfajla, li ġejja minn familja bi problemi soċjali u anke għandha problemi ta’ saħħa mentali fil-familja, minn investigazzjoni li saret instab li ħadet b’qerq aktar minn €13,000 mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Hi għamlet dan bejn Marzu tas-sena 2021 u Mejju tas-sena 2023. Hi ammettiet u anke kixfet lill-intermedjarju waqt li ddikjarat li lesta tħallas kollox lura. Meta twettqu r-reati hi kienet għadha minuii.

Hi kienet akkużata li ffalsifikat cedola, polza, ordni jew dokumenti ohra, illi meta jiġu preżentati wieħed jista’ jirċievi bihom ħlas, jew jieħdu l-kunsinna ta’ oġġetti jew jiġbor depożitu jew rahan minn ufficju pubbliku, jew minn bank. Hi kienet akkużata ukoll li għamlet falsifikazzjoni f’att awtentiku u pubbliku, jew fi skrittura kummerċjali jew ta’ bank privat, b’falsifikazzjoni jew b’tibdil fl-iskrittura jew fil-firem.
It-tfajla wieġbet li ħatja tal-akkużi. Fil-Qorti ġie dikjarat li l-ammont totali meħud mill-imputata għad- detriment tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kien ta’ €13,310.80.

It-tfajla ddikjarat li hija disposta tħallas lura l-ammont kollu li ħadet illegalment mingħand d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali permezz ta’ pagamenti mensili. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali minn naħa tiegħu kien dispost li jaċċetta r-ripagament tas-somma dovuta permezz ta’ pagamenti mensili.

Il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom il-gravità tar-reati li nstabet ħatja tagħhom il-mara u l-ammont sostanzjali li nkiseb minnha b’riżultat tal-kommissjoni tar-reati li qed tinstab ħatja dwarhom. Ħadet ukoll qies tal-fedina penali kompletament netta tagħha, il-fatt li jidher li hemm retroxxena ta’ problemi soċjali u problemi ta’ saħħa mentali fil-familja tagħha, kif ukoll il-fatt li hi ammettiet il-ħtija tagħha fl-iktar stadju bikri tal-proċeduri u skont kif ġie sottomess mill-Prosekuzzjoni fit-trattazzjoni dwar il-piena, hija mhux biss iko-operat bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet dwar ir-reat, iżda wkoll kixfet minnufih l-isem tal-intermedjarju li ffaċilita l-kommissjoni tar-reati.

Il-Qorti qalet li fuq kollox, il-fatt li t-tfajla hija disposta li tħallas lura l-ammont kollu minnha perċepit illegalment għad-detriment tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali. Il-Qorti żammet ferm ukoll li matul is-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-Prosekuzzjoni ddikjarat mhux qiegħda tinsisti fuq piena karċerarja effettiva.

Il-Qorti qalet li bejn Marzu 2021 u April 2023 it-tfajla kienet għadha minorenni u għalqet l-età maġġorenni biss fix-xahar meta rċeviet l- aħħar pagament jiġifieri benefiċċju bis-saħħa tal-użu tad-dokumenti falsifikati. Il-Qorti fehmet ukoll li jeżistu problemi ta’ saħħa mentali u problemi soċjali oħrajn fil-familja tat-tfajla liema problemi kellhom rwol fiċ-ċirkostanzi li wasslu lit-tfalja biex tikkommetti r-reati li tinsab mixlija bihom.

Il-Qorti ordnat is-sorveljanza tat-tfajla minn uffiċjal tal-Probation u dan biex hi tkun tista’ tingħata l-għajnuna, anke dik psikoloġika, li jeħtiġilha biex tindirizza b’mod strutturat l-isfidi li l-problemi fi ħdan il-familja tagħha jippreżentaw, mingħajr ma terġa’ tirkorri għall-kriminalità. Il-Qorti qalet li uffiċjal tal-Probation hu importanti għat-tfajla f’din l-età kruċjali f’ħajjitha biex ikollha sorveljanza minn persuni professjonali bil-għan li tingħata gwida fid-direzzjoni t-tajba u tagħraf ukoll l-importanza li jkollha sors ta’ introjtu legali u stabbli biex tibni futur sod għaliha nnifisha.

Ekonomija

Sport