Thursday, April 9, 2026

Minuri ta’ 17-il sena tammetti involviment f’serqa vjolenti fuq sewwieq tal-Wolt f’San Pawl il-Baħar                                            

Aqra wkoll

Minuri ta’ 17-il sena wieġbet ħatja għall-akkużi relatati ma’ serqa vjolenti fuq sewwieq tal-Wolt li seħħet f’San Pawl il-Baħar, filwaqt li żewġ akkużati oħra wieġbu mhux ħatja. 

Il-każ imur lura għall-31 ta’ Marzu 2026 għall-ħabta tad-9.30pm, meta l-pulizija ġew infurmati li sewwieq tal-Wolt kien safa’ aggredit u nsteraq bl-użu ta’ arma, li kienet sikkina. Minn tħarriġ fuq il-post irriżulta li s-sewwieq kien mar iwassal kunsinna ħdejn il-boathouses ta’ San Pawl il-Baħar wara li ngħata l-indirizz, fejn niżel u safa’ aggredit minn żewġ persuni armati b’sikkina.

Skont il-pulizija, insterqu €200 fi flus kontanti kif ukoll il-kunsinna li kien qed iwassal, inklużi prodotti tat-tabakk u vapes. Il-każ qed jiġi trattat bħala serq aggravat bil-vjolenza, il-valur u l-ħin meta seħħ. 

Investigazzjonijiet permezz ta’ filmati tas-CCTV wasslu biex ġew identifikati l-aggressuri u r-rwoli tagħhom fis-serqa. Il-minuri ta’ 17-il sena allegatament kellha rwol ta’ lookout u kienet ukoll involuta biex iżżomm kuntatt mas-sewwieq. Minbarra hekk, iż-żewġ ko-akkużati El-Hady Ammar, ta’ 24 sena u Gannalise Camilleri, ta’ 19-il sena allegatament ikkommettew is-serqa. 

Wara s-serqa, l-akkużati telqu minn fuq il-post flimkien. Madanakollu, inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tal-persuni involuti, u fis-7 ta’ April dawn ġew arrestati ġewwa San Pawl il-Baħar.

Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata mid-difiża. Għaldaqstant, fir-rigward tal-minuri u Camilleri, intalab il-ħelsien mill-arrest. Il-qorti semgħet li l-minuri ma kellhiex indirizz fiss u stqarret li kienet tħossha abbandunata mill-ġenituri tagħha. Hi wieġbet ħatja għall-akkużi dedotti kontriha, iżda Camilleri wieġbet mhux ħatja. 

Fir-rigward ta’ El-Hady Ammar, inizjalment stqarr li hu ħati, iżda aktar tard biddel il-pożizzjoni tiegħu u wieġeb mhux ħati sakemm ikun preżenti l-avukat tiegħu.

Minħabba l-età tal-minuri u l-ammissjoni ta’ ħtija tagħha, il-każ ġie rrefuriet għall-Qorti tal-Minorenni. Minbarra hekk, minħabba u l-fatt li ommha ħa tmur programm ta’ riabilitazzjoni, hi kellha tittieħed iċ-Ċentru tad-Detenzjoni tal-Minorenni sakemm jiġi assenjat il-każ. 

Il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront ta’ Camilleri minħabba l-fatt li ma taħdimx u l-biża’ tal-intralċ tal-provi.

Fir-rigward ta’ Ammar, it-talba għall-ħelsien mill-arrest ma saritx. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Stephen Gulia u Warren Galea, kif ukoll l-avukat Miryea Mifsud mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Nicholas Mifsud u Yanika Bugeja mexxew id-diviża. 

Il-Maġistrat tal-Għassa Tanya Sammut ippresediet fuq is-seduta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport