Wednesday, December 25, 2024

Mireya Cassar tirbaħ l-Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal April

Aqra wkoll

Mireya Cassar ingħatat l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal April.

Ta’ 19-il sena, Mireya Cassar mhux biss kisret ir-rekord nazzjonali tal-hammer throw għal tliet darbiet waqt l-istess kompetizzjoni, iżda saħansitra qabżet il-50 metru, b’tefa’ proprju ta’ 52.50 metru. Cassar kisbet dan ir-riżultat waqt it-tieni Challenge Meeting organizzat minn Athletics Malta fit-trakka tal-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa.

B’dan ir-riżulat, Cassar, kisret ir-rekord nazzjonali fl-erba’ kompetizzjonijiet li ħadet sehem fihom din is-sena, inkluż tlieta barra minn xtutna, fejn b’kollox irnexxielha ttejjeb ir-rekord b’aktar minn 5 metri. Fl-istess kompetizzjoni Cassar rreġistrat ukoll rekord ta’ taħt l-20 sena fix-shot put.

Dan ir-riżultat ikompli jawgura tajjeb għal Cassar fl-iżvilupp atletiku tagħha. Cassar mistennija tkun waħda mill-atleti li tirrappreżenta lill-pajjiżna fil-Kampjonati tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru proprju f’pajjiżna f’Ġunju li ġej.

Mireya Cassar bħalissa  qed titħarreġ b’mod professjonali fil-Ġermanja, għaldaqstant il-preżentazzjoni uffiċjali tat-trofew Atlas Atleta Żagħżugħa tax-Xahar u l-vawċer ta’ abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju se jingħathulha aktar ‘il quddiem.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.

Ekonomija

Sport