Friday, November 15, 2024

Miri ambjentali li se jbiddlu l-mod kif ngħixu llum

Ma’ Clint Flores naraw il-bidliet meħtieġa, inkluż dak li ma nibqgħux dipendenti fuq l-idrokarburi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

In-nies kienu u għadhom jinteressaw irwieħhom fuq l-affarijiet Ewropej u barranin għax jafu li jistgħu jintalqtu b’mod dirett. Hemm ħeġġa biex il-poplu jixtarr aktar u jinfurma ruħu fuq diversi sitwazzjonijet fosthom dik tal-ekonomija ħadra u ċirkulari. Fost il-persuni mfittxija għal tali tagħrif, spjegazzjonijiet kif ukoll analiżi ta’ x’inhuma r-riskji anke f’kuntest li l-Unjoni Ewropea qiegħda timbotta ‘l quddiem biex ma tibqax dipendenti fuq l-idrokarburi, hemm Clint Flores, ekonomista li ħadem b’mod dirett mal-blokk Ewropew, kif ukoll analist politiku. 

F’intervista ma’ Flores, dan is-sit jidħol fid-dettall dwar xenarju li bih il-pajjiżi membri tal-UE għandhom miri ambizzjużi ambjentali li se jbiddlu l-mod kif ngħixu llum għal wieħed aktar nadif u sostenibbli. Dan se jwassal għal ekonomija aġli u reżiljenti b’użu ta’ enerġija rinovabbli, karozzi elettriċi li ma jużawx il-fjuwil tradizzjonali, bini maħdum bi ħsieb tal-preservazzjoni tal-ambjent, kif ukoll transizzjoni għall-industrija tal-bini minn kif topera llum għal waħda aktar nadifa. 

L-isfida tal-bidla jridu wkoll jiffaċċjawha l-industriji u n-negozji tal-enerġija li bil-mod il-mod iridu jaraw kif se jaqilbu l-operat tagħhom ħalli, bħal katina, kulħadd jiġbed ħabel wieħed għal futur aħjar mingħajr theddida ta’ tniġġis.

X’inhuma l-miri tal-Unjoni Ewropea għad-dikarbonizzazzjoni? Xi tfisser u kif se taffettwana?

L-Unjoni Ewropea trid tgħaġġel il-pass biex l-ekonomiji tagħha jibdew jaħdmu b’enerġija rinovabbli fost oħrajn ngħidu aħna li tkun ġejja mix-xemx, riħ, baħar u l-idroġenu. Dawn huma industriji li l-Unjoni Ewropea trid tgħaġġel li tagħmel tranżizzjoni għalihom biex tagħmel dikarbonizzazzjoni tal-kontinent Ewropew sal-2050. 

Fi kliem sempliċi, id-dikarbonizzazzjoni tfisser li dak kollu li nużaw, inkluż powerstation u anke l-karozzi li nsuqu llum mhux se jibqgħu jaħdmu bil-fjuwil, gas jew żejt kif nafuhom illum u l-UE se twaqqaf il-produzzjoni tagħhom mill-2035 ‘il quddiem. 

Dan ikun ifisser li se jkollna karozzi u vetturi tat-trasport oħra li jaħdmu b’sorsi ta’ enerġija nodfa u rinovabbli. Għalhekk, bħalissa għaddej perjodu ta’ għarfien u anke sussidji billi jintużaw il-fondi Ewropej bħala garanziji ħalli n-nies ikunu jistgħu jisselfu kreditu mill-banek b’rati ta’ imgħax kważi żero, ngħidu aħna b’xejn, biex tixtri karozza tal-elettriku u anke taqleb għall-enerġija aktar rinovabbli. Fost oħrajn, tista’ tieħu parti tal-għotja tal-gvern u anke l-kreditu fuq il-parti l-oħra b’rati tal-imgħax kważi xejn u tħallashom bin-nifs minn banek lokali. 

Hemm setturi oħra li se jkunu affettwati?

Dan japplika wkoll għar-rinovazzjoni tad-djar biex iġġibha aktar effiċjenti, bħal ngħidu aħna li taħdem b’pannelli solari u prodotti oħra li jikkontribwixxu għall-addozzjoni u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Fil-fatt, hemm żewġ linji jaħdmu flimkien – dik tal-Kumissjoni Ewropea li qiegħda tagħfas ħafna fuq ir-raportaġġ tal-kumpanji u dik tal-Bank Ċentrali Ewropew li jrid li l-banek ibiddlu wkoll il-mudelli tagħhom ta’ x’jiffinanzjaw. 

Eżempju, dawk l-industriji li jridu jagħmlu tranżizzjoni għal teknoloġiji u mudelli aktar nodfa u li ma jħammġux iridu jintefgħu taħt monitraġġ fi żmien transitorju. Fost dawn l-industriji hemm dawk li jaħdmu b’ħafna enerġija, inkluż power stations, stazzjonijiet u distributuri tal-fjuwils u oħrajn li maż-żmien, bl-Unjoni Ewropea u r-regoli li qiegħda toħroġ, iridu jew ma jridux se jkollhom ibiddlu l-mudell tan-negozju tagħhom. 

“Il-konstruzzjoni mhix meqjusa bħala industrija li tħammeġ”

L-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta hija waħda qawwija. X’tirrakkomanda l-Unjoni Ewropea dwar din l-industrija u l-operat tagħha vis a vis il-ħarsien tal-ambjent?

Skont rapporti li għandna fuq il-mejda, il-kostruzzjoni mhiex meqjusa bħala industrija li tħammeġ u li maż-żmien l-istess industrija se tkun qiegħda tadatta għal teknoloġiji nodfa. Jekk tara rapporti ta’ “Moody’s” u anke kif ikklassifikat l-industrija tal-kostruzzjoni, l-Unjoni Ewropea tara li l-kostruzzjoni mhux il-problema jekk ovvjament iżżomm mal-limiti imposti. 

Imma, il-problema tibda wara li l-binja tinbena. Dan għax l-Unjoni Ewropea hija aktar wara l-effiċjenza tal-istess binja, kemm bħala insulazzjoni, enerġija rinovabbli, twieqi u bibien bi ħġieġ doppju li jżomm is-sħana u l-kesħa milli tintilef. 

Għalhekk, jekk binja jkollha ċerifikat ta’ prestazzjoni tajjeb (EPC), dik il-binja tkun ikklassifikata bħala effiċjenti skont gradi ta’ ittri jekk hija waħda kummerċjali u b’numri jekk hija waħda residenzjali. Binjiet speċjalment kummerċjali, se jkollhom jaraw li dan it-tip ta’ ċerifikat u l-binjiet interni tagħhom, ikunu effiċjenti bħala enerġija li tkun ikkonsumata. Fil-fatt, ħafna binjiet li huma diġà mibnija għandhom problema li jistgħu jkunu f’riskju tat-tibdil tal-klima dawk li jgħidulhom riskji fiżiċi speċjalment dawk ta’ mal-kosta. 

Mill-banda l-oħra, il-kumpaniji ta’ kostruzzjoni se jkollhom jgħaddu minn riskju transitorju li t-teknoloġija tal-apparat u makkinarju tagħhom se tkun qiegħda tavvanza u tippermettilhom li jagħmlu qabża filwaqt li, il-bini kummerċjali se jkollu jaddatta wkoll għal wieħed transitorju billi jipproduċi binjiet aktar effiċjenti fejn tidħol enerġija. 

Il-poplu huwa sensittiv u konsapevoli tal-bżonn li nħarsu l-ambjent. X’inhu jsir fuq livell lokali u taħseb li hemm biżżejjed għarfien u ħidma fir-rigward?

Fl-aħħar ġimgħat kienu organizzati ħafna konferenzi f’Malta bit-tema tal-ESG – Dikarbonizzazzjoni u anke Riskji tal-Klima. Dawn kienu organizzati kemm mill-Kamra tal-Kummerċ, kif ukoll minn awtoritajiet oħra. 

Inħoss li dawk li qegħdin jorganizzawhom għandhom sentiment tajjeb tas-sitwazzjoni u l-abblità li joħolqu kuxjenza dwar dawn ir-riskji tal-klima u x’jeħtieġ. Għaldaqstant, qegħdin iqajmu għarfien tajjeb immens. Fil-fatt, kont mistieden għal bosta konferenzi u ħadt gost nagħti l-veduti tiegħi. Però, inħoss li m’hawnx biżżejjed għarfien tekniku kemm fejn jidħlu r-regolamenti u anke l-implimentazzjoni tar-regoli u d-direttivi. Dan mhux f’Malta biss, imma anke fl-Ewropa minħabba l-għaġġla li għaddejja biha l-Unjoni Ewropea. 

Ukoll, qiegħed nitlaqa’ ma’ kelliema li ċertu kunċetti qegħdin iħalltuhom speċjalment meta jidħlu fil-klassifikazzjonijiet tal-industriji. Nemmen li bħalissa, meta l-ekonomija globali għaddejja minn turbolanzi, għandu jkollna għarfien biżżejjed biex ma nagħmlux żbalji u li nistgħu nevitaw u għalhekk dawk li jitkellmu fil-konferenzi għandhom jerfgħu r-responsabbiltà tal-informazzjoni li qiegħda tasal għand il-pubbliku. 

Inħoss ukoll li m’hemmx għarfien tekniku. Ta’ spiss ikolli diskussjonijiet mal-industrija u naqsam l-għarfien tekniku umli tiegħi ta’ kif jistgħu japplikaw u jistgħu jsiru ċerti implimentazzjonjiet tar-regoli u anke l-assessjar tar-riskji speċjalment fl-industrija finanzjarja. 

Dan nagħmlu b’mod volontarju u bla ħlas għax nemmen li jekk mhux se ngħinu lil xulxin, mhux se nilħqu l-għanijiet li nnaqsu u nnaddfu l-emissjonjiet ħalli nimxu għal ekonomija ħadra, aktar aġli u sostenibbli. 

Dak li jista’ jiġi rreċiklat jinġabar u jerġa’ jintuża… Taħseb li l-ekonomija tagħna tiflaħ għal dan it-tibdil kollu speċjalment wara l-isfidi tal-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna?

Nemmen li l-ekonomija Maltija barra li hija waħda reżiljenti, hija wkoll waħda aġli li tadatta għas-sitwazzjonijiet u ż-żmien li tkun għaddejja minnu. Dan ifisser li jekk l-awtoritajiet u dawk li qegħdin jieħdu d-deċiżjonjiet jagħmlu dan bl-akbar reqqa u sofistikazzjoni, ikunu jistgħu jġibu l-partijiet kollha tas-swieq flimkien u anke jimxu għall-ekonomija ċirkulari. 

B’ekonomija ċirkulari, dak li jista’ jiġi rreċiklat, jinġabar u jerġa’ jintuża u mhux jintrema. Fost eżempji hemm l-aktar inizjattiva riċenti li jinġabar depożitu fuq il-fliexken tax-xorb speċjalment tal-plastik. L-istess rifużjoni tad-depożitu li titħallas tista’ tużaha biex tikkredita l-karta tas-super market jew tal-mobile meta tirreċikla l-kontenituri tax-xorb fil-magni apposta. 

B’hekk inkunu nistgħu nimxu wkoll lejn ekonomija aktar sostennibbli li finalment waħda li tipprovdi għall-ġenerazzjonijiet futuri. Ukoll, f’kuntest li l-inflazzjoni jiġifieri l-għoli tal-ħajja sploda madwar id-dinja, huwa importanti ħafna li l-flus tad-depożiti tal-flixken tax-xorb jinġabru. Dan biex ma jkun hemm inflazzjoni żejda. 

Finalment, jekk mhux se niġbdu ħabel wieħed, inkluż li nirrispettaw dak li ġie nnegozjat fuq livell Ewropew, se tkun problema biex nilħqu l-miri stabbiliti u nimxu għal ekonomija aktar aġli li tadatta għar-realtajiet tal-lum mhux biss lokali, imma anke realtajiet globali. 

Ekonomija

Sport