Saturday, December 21, 2024

Miriam Dalli se tkellem lill-Kummissarju dwar l-immigrazzjoni… partikolarment wara stqarrijiet minn rappreżentanta tal-Kummissjoni

Aqra wkoll

Miktub minn Melvin Farrugia

L-ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli tkellmet ma’ Inewsmalta rigward is-sitwazzjoni preżenti tal-immigrazzjoni u żvelat kif fil-jiem li ġejjin se tkun qiegħda titkellem mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-immigrazzjoni, partikolarment wara l-aħħar stqarrijiet li saru minn rappreżentanta tal-Kummissjoni. 

Barra minn hekk, Miriam Dalli qalet li bħala membru tal-Parlament Ewropew fil-kumitat responsabbli mill-immigrazzjoni se tibqa’ tagħmel pressjoni biex tittieħed azzjoni u li din ma tkunx azzjoni temporanja biex insolvu l-problema għal ħin qasir, iżda soluzzjoni fit-tul. Għalhekk qalet li qiegħda tinsisti biex fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar fond ta’ aktar minn €10 biljun li għandu jintuża speċifikament għall-immigrazzjoni, ikun hemm parti minnhom li jmorru għar-rilokazzjoni, biex il-piż jinqasam bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. 

Dalli qalet li l-Parlament Ewropew dejjem insista li għandha tingħata l-għajnuna lil pajjiżi bħal tagħna. Madankollu, qalet li fadal ħafna xi jsir biex ikunu konvinti l-gvernijiet differenti tal-Unjoni Ewropea. Hi saħqet li ċ-ċentri f’Malta ma jifilħux aktar immigranti, anke minħabba li fl-aħħar 12-il xahar daħlu kważi 5,000 immigrant f’pajjiżna. Saħqet li bħalma għamlet fl-aħħar snin, hi se tkun qiegħda żżomm kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet Maltin u mal-kollegi tagħha fil-Parlament Ewropew biex iżommu lil xulxin informati dwar l-aħħar żviluppi. 

Mistoqsija dwar in-nuqqas ta’ solidarjetà mill-kumplament tal-pajjiżi Ewropej, Dalli qalet li ilna żmien twil nisimgħu l-istess diskors dwar solidarjetà, l-aktar meta tinqala’ xi kriżi. Qalet li mbagħad meta l-kriżi tgħaddi, kulħadd jitfa’ l-problema taħt it-tapit u mbagħad meta terġa’ tinqala’ xi kriżi oħra nerġgħu nibdew bl-istess diskors. Spjegat li ilha tara  dan iċ-ċirku jirrepeti ruħu, fejn ir-realtà hi li hemm numru ta’ gvernijiet madwar l-Unjoni Ewropea li ma jridux juru solidarjetà. 

Spjegat li jekk tara x’ġara fl-aħħar snin, kienet inizjattiva tal-Gvern Malti li wasslet biex numru ta’ immigranti ġew rilokati minn pajjiżna. Qalet li r-realtà hi li dejjem kellek l-istess ftit pajjiżi li pprovaw juru solidarjetà, filwaqt li ħafna oħrajn qatt ma kienu interessati. L-ewroparlamentari qalet li s-solidarjetà ma tfissirx hekk, iżda li r-responsabbiltà tinġarr mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u mhux mill-ftit. 

Hi qalet li l-ħajjiet iridu jiġu salvati u protetti. Għalhekk, bl-istess mod qalet li l-Unjoni Ewropea fil-kumpless tagħha ma tistax tibqa’ ddawwar wiċċha u tippretendi li din hi problema ta’ pajjiż wieħed jew tnejn. 

Finalment, Dalli qalet li s-sitwazzjoni kif tħalliet tiżviluppa għal bosta snin mhix sostenibbli, filwaqt li saħqet li l-gruppi kriminali qegħdin jibqgħu jagħmlu l-flus u jisfruttaw lil min qed jaħrab.

Ekonomija

Sport