Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ħabbar li l-programm GEM 16+ se jkompli jingħata mis-sena skolastika li ġejja u bħala parti mill-proċess ta’ trasformazzjoni li ħareġ mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030, se jibda jiġi offrut fil-Giovanni Curmi Higher Secondary School (GCHSS), Naxxar.
Dan il-pass se jkun qiegħed jassigura li dawk l-istudenti li jagħżlu li jkomplu l-istudji tagħhom fil-programm ta’ sena GEM 16+, ikollhom l-opportunità li jkomplu jieħdu aktar taħriġ fi programmi oħra fis-snin ta’ wara, fl-istess Giovanni Curmi Higher Secondary School, in-Naxxar. Dan kollu qiegħed isir biex jiġi żgurat li l-istudenti li jagħżlu dan il-programm, igawdu minn ambjent edukattiv modern u integrat ma’ firxa wiesgħa ta’ programmi oħra ta’ tagħlim post-sekondarju.
Il-programm GEM 16+ se jkun inkluż fil-prospett tal-GCHSS bħala wieħed mill-korsijiet offruti mill-iskola, flimkien mat-tliet programmi l-oħra li diġà qegħdin jiġu mwettqa, kif ukoll programm ġdid li se jitnieda fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Ministeru għamel konsultazzjonijiet ma’ diversi partijiet ikkonċernati u informa wkoll lill-edukaturi kollha li jaħdmu fil-programm GEM 16+. Dawn l-edukaturi qegħdin jingħataw l-opportunità li japplikaw għal deployment, skont il-proċeduri normali li jsiru f’dan iż-żmien tas-sena.
Il-Ministeru jtenni l-impenn tiegħu li jkompli jsaħħaħ l-opportunitajiet ta’ tagħlim għal kull student, b’mod partikolari f’dawk il-perjodi ta’ transizzjoni edukattiva li jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja taż-żgħażagħ.