Sunday, December 22, 2024

Misjubin fossili ta’ predatur “tal-biża'” li għex 66 miljun sena ilu

Gremxul tal-baħar ġgantesk bi snien kbar f’forma ta’ ringiela skieken jaqtgħu ħafna…

Aqra wkoll

Il-kamp xjentifiku għamel skoperta interessanti ferm ta’ fossili ta’ speċi marina li kienet tagħmel parti mill-familja tal-Monasaurs li llum il-ġurnata għandhom oriġini minnha s-sriep kbar tat-tip Anaconda u d-draguni tat-tip Komodo. Din is-sejba tal-fossili mill-ispeċi “Khinjaria Acuta”, li għandha forma ta’ gremxula tal-baħar kbira ħafna, saret barra mill-kosta tal-Marokk.

Il-BBC irrapporta li din l-ispeċi partikolari kienet tgħix fl-ibħra 66 miljun sena ilu flimkien mad-dinosawri fosthom it-Tyrannosaurus Rex. “Khinjar” li ġejja mil-lingwa Għarbija tfisser “sejf” u “Acuta” tfisser “taqta’”, tiddeskrivi perfettament din l-ispeċi. Ir-riċerkatur Dott. Nick Longrich mill-Università ta’ Bath, li mexxa l-istudju ppubblikat fil-ġurnal “Cretaceous Research”, kiteb dwar dan l-annimal marin fejn iddeskriva d-dehra tiegħu bħala waħda “tal-biża’ b’wiċċ ta’ demonju u snien li kienu qishom skieken”.

Dan ir-riċerkatur qal li snien il-Khinjaria Acuta flimkien ma’ xedaq b’saħħtu, kienu karatteristiċi li jagħtuh dehra li tkexkex minħabba li kien forza verament qawwija meta jigdem. Huwa mifhum li din l-ispeċi ġganteska ta’ gremxul tal-baħar kienet waħda mill-aktar predaturi b’saħħithom fi żminijiethom fl-oċejan Atlantiku. 

Dott. Longrich sostna li din is-sejba hija eċċitanti u interessanti ħafna għall-fatt li qegħdin isibu ammont sostanzjali ta’ speċi differenti li kienu predaturi. Qal li, “għandha diversi speċi li huma akbar mill-kelb il-baħar kbir tat-tip Great White Shark u huma predaturi mill-aqwa. Li sibna però, huwa li kollha kemm huma għandhom snien differenti u dan iwassalna biex naħsbu li kellhom modi differenti ta’ kaċċa. Uħud mill-Mosasaurs kellhom snien li bihom itaqbu l-annimal li jaqbdu, mentrri oħrajn kienu jużaw snienhom biex iqattgħu, iċartu jew inkella jgħaffġu lill-vittma tagħhom. Issa għandna l-Khinjaria b’wiċċ qasir mimli snien kbar f’forma ta’ skieken”.

Mill-istudji li saru s’issa, irriżulta li l-Khinjara Acuta, barra l-wiċċ qasir, kellha ħalq f’forma ta’ tbissima li kien jagħtiha dehra krudili minħabba s-snien impressjonanti li kellha flimkien mal-forma tal-kranju li kienet tinġibed lura “qisha demonju”. 

Huwa mifhum li din l-ispeċi ta’ annimal marin kien twil madwar seba’ sa tmien metri u għalkemm mhuwiex ikkonsidrat fil-quċċata tal-katina alimentari, kien predatur effettiv ħafna.

Ekonomija

Sport