Saturday, December 21, 2024

MISKIN MIN IKASBARNI GĦAX JIEN KBURI BI LSIENI

Aqra wkoll

Iddur kemm iddur mal-globu ċertament li f’kull pajjiż se ssib dik ix-xi ħaġa li tiġbdek u dik ix-xi ħaġa li timbuttak lejn pajjiż ieħor. Minkejja l-ġid li għandna f’pajjiżna, anke jekk niddependu ħafna mill-impurtazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum, sikwit tisma’ lil min jilmenta li f’pajjiżna m’hawn futur, m’hawnx fejn tgawdi jew li m’hawnx biżżejjed fejn timraħ. Tisma’ oħrajn li jgħidulek li f’pajjiżna jħossuhom aktar komdi jitkellmu u jaqraw bil-lingwa Ingliża. Xhieda ta’ dan huma s-segwaċi fuq il-portals tal-aħbarijiet online li ta’ kuljum jaġġornaw lill-poplu b’dak li jkun għaddej madwarna.

Iżda f’ċertu mumenti l-poplu bħal donnu jintebaħ u jiftakar li sa minn għexieren ta’ snin ilu, missirijietna ma naqsux milli jsemmgħu leħinhom biex ifakkru li huma kburin bil-lingwa tagħna. Kien hemm żmien li fih konna kolonja, iżda l-poplu qalbieni ta’ dak iż-żmien għażel li jsemma’ leħnu waqt sempliċiment logħba futbol. Kien proprju 77 sena ilu meta t-tim nazzjonali lagħab kontra t-tim ta’ Hajduk Split. Qabel il-logħba ndaqq l-innu Yugoslav u l-God Save the King, iżda kif il-gvernatur Edmond Schreiber kien se jpoġġi, il-kotra qamet f’daqqa u bdiet tkanta l-Innu Malti. Mismut b’dak li kien għadu kemm ra jseħħ quddiem għajnejh, Schreiber kellu jibqa’ bilwieqfa sakemm intemm l-aħħar vers tal-innu Malti. Saħansitra biex ifakkar din il-ġurnata l-poeta Rużar Briffa għażel li jħalli minquxa din il-ġrajja permezz tal-versi tiegħu li fost l-oħrajn jgħidu “U l-Kotra qamet f’daqqa u għajtet Jien Maltija! Miskin min ikasbarni, miskin min jidħak bija!”

Proprju fi tmiem il-ġimgħa assistejna għal mument partikolari li nemmnu li kien simili għal dak li seħħ 77 sena ilu. Il-poplu Malti laqgħa bi ħġaru l-istedina tat-tkattir tal-kultura Maltija u segwa bi ħġaru taħlita ta’ kanzunetti miktubin bil-Malti. Dan ma ngħiduhx aħna hekk kif skont stħarriġ li sar, aktar minn 100,000 telespettatur għażlu li jsegwu l-festival Mużika Mużika minn fost tant affarijiet oħra x’tara fuq it-televiżjoni. Barra minn hekk, kellek mijiet oħra li attendew b’mod fiżiku fl-MFCC f’Ta’ Qali. F’dan il-festival spikkaw diversi temi li b’lirika li fiha x’togħmod ftakarna dwar diversi sitwazzjonijiet ta’ persuni li ta’ kuljum jibqgħu jbatu bis-silenzju. Il-kanzunetti klassiċi qajmu wkoll ċertu sens ta’ nostalġija, iżda nemmnu li l-interpretazzjoni ta’ kantanti avvanzati fl-età flimkien ma’ dawk li biex ngħidu hekk għadhom qegħdin jesperimentaw bit-talenti tagħhom kienet xi ħaġa li toffri tama. Tama lejn poplu li se jibqa’ jħaddan il-lingwa tiegħu. 

Iżda fuq kollox nemmnu li din il-konkorrenza għandha ddoqq qanpiena. Nemmnu li wasal iż-żmien li l-ballun li ħabat mal-lasta fl-aħħar konkors kanzunetta għall-Ewropa, li jmiss isib postu fix-xibka. Nirreferu għall-possibbiltà li l-kanzunetta li tirrapreżentana f’dan il-festival prestiġjuż għandha tkun b’lirika bil-Malti. Kien hemm pajjiżi oħrajn li għażlu li jagħmlu dan fis-snin preċedenti u tkun xi ħaġa li tagħmilna ferm kburin, li min jitla fuq dak il-palk, ikun f’liema pajjiż ikun, jxerred il-versi Maltin mal-erbat irwieħ tad-dinja.

Ekonomija

Sport