Thursday, June 13, 2024

Missier jgħid li xxokkja ruħu meta sar jaf li bintu kienet adottata mingħajr ma kien jaf….il-Qorti tiddikjara li hu missier it-tarbija

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sittax-il sena ma jarax lil bintu. Lanqas kien preżenti meta welldet. Kellu dubju jekk bintu kinitx tiegħu u sar test tad-DNA, li minnu kien hemm konferma li hu missier bintu. Omm it-tifla tgħid li l-missier kien sparixxa meta talbitu il-manteniment.

Wara sentejn mindu twieldet it-tifla, hu sparixxa minn ħajjitha, tant li l-omm kellha relazzjoni oħra u żżewġet. Ir-raġel tagħha kien adotta lit-tifla. Ġara iżda li l-missier bioloġiku tat-tifla sar jaf b’xi mod li 11-il sena qabel bintu ġiet adottata. Iddikjara li dan kien xokk għalih.

Żvela kif kien ingħata parir biex jinsa lit-tifla, jagħmel ta’ bir-ruħu li mix tiegħu u dan ikun aħjar għalih u għat-tifla. Il-missier fi proċeduri li fetħa ittanta iqajjem dubji dwar il-proċess ta’ adozzjoni u talab li fiċ-ċertifikat tat-twelid bintu ma tibqax b’missier mhux magħruf imma ikun hemm ismu.

Il-missier jgħid li hu u dik li kienet is-sieħba tiegħu kienu f’relazzjoni u tul il-perjodu tal-koncepiment u sa ftit żmien wara li l-omm welldet bint din ir-relazzjoni kienet għadha għaddejha. Il-missier jiddikjara li hemm konferma li huwa l-missier biologiku tal-istess bint permezz ta’ rapport xjentifiku tad-DNA, liema rapport hu ppreżentah fil-Qorti.

Jgħid li l-bint twieldet fis-sena 2006 u hu kien beda proceduri ta’ medjazzjoni bejn is-sena 2008 u s-sena 2009 sabiex ikollu d-dritt jara l-bintu u jsir ftehim permezz ta’ abbozz ta’ kuntratt. Qal iżda li però l-ebda ftehim ma ntlahaq u hu ma kellu l-ebda kuntatt ieħor ma’ martu u ma’ bintu.

Il-missier jgħid li ilu ma jara lill-bintu ghal snin twal. Jgħid li dan seħħ għax hu dejjem kien aljenat minn ommha. Jallega li kollox ġie maħdum sabiex iressquh lbogħod kemm jista’ jkun. Jallega li anke ħassu mhedded tant li stenna propju s’sissa sabiex jersaq ‘lquddiem u jressaq il-quddiem din il-kawza.

Rigward it-theddid jallega li ġie mhedded meta fetaħ il-proċeduri ta’ medjazzjoni u anke ppreżenta rikorsi tal-aċċess, u anke waqt l-istess proceduri billi ngħatalu parir sabiex jinsa lit-tifla u jagħmel ta’ bir-ruħu li mhux tiegħu, u dan se jkun aħjar għalih u speċjalment għat-tifla.

Jispjega li ma kompliex jinsisti fil-proċeduri tal-medjazzjoni u waqaf ħesrem anke peress li kien jaf li l-omm reġgħet iżżewħet u kien beżgħan. Il-missier jgħid li riċentament sar jaf li bintu ġiet adotta u għandha kunjom ieħor.

Jgħid li dan kien xokk enormi għalih għax ma kellu l-ebda idea meta saret din il-bidla u meta ġiet adottata. Qal li lanqas seta’ jifhem li bħalissa missier biologiku huwa ma ġiex infurmat.

Il-missier ikompli jgħid li sar jaf li riċentament il-partijiet infirdu permezz ta’ kuntratt ta’ separazzjoni personali. Jgħid li din l-informazzjoni ġiet f’idu biss propju riċentament ħafna.

Enfasizza li hu ma jiflaħx iktar issa joqgħod lura milli jerġa’ jsir jaf lil bintu, tant għażiża u jrid jagħmel dak kollu possibbli biex huwa jiġi rikonoxxut bħala l-missier darba għal dejjem, speċjalment meta jħoss li ġie ingannat permezz tal-proċedura tal-adozzjoni.

Spiega li hu lanqas biss seta’ jġib kopja taċ-ċertifikat tat-twelid ta’ bintu peress li mhuwiex mniżżel imkien fuqu, u għalhekk huwa ovvja li minn ċertifikat ta “father unkown”, l-omm għamlet il-proċedura ta’ adozzjoni.

Il-missier saħaq li l-omm taf li l-missier propju huwa hu tant li kien hemm proċeduri passati ta’ medjazzjoni u anke rikorsi u risposta bejn is-snin 2008 u 2009. Jallega li għandu suspetti serji dwar il-mod kif saret l-adozzjoni. Spjega li għamel il-kawża biex jiġi rikonnoxut fuq l-att tat-twelid ta’ bintu bħala l-missier tagħha u l-informazzjoni marbuta mal-persuna li adottata tiġi sostituita bl-informazzjoni dwaru.

Il-missier talab lill-Qorti biex tirrikonoxxi li hu missier bintu u li tordna biex isiru l-korrezzjonijiet relattivi fl-atti tal-istat ċivili tal-istess minuri, partikolarment fiċ- ċertifikat tat-twelid ta’ l-istess billi fil-kolonna ‘I-Isem u Kunjom u post tat-twelid tal-Missier’ jitneħħew il-kliem b’referenza għal missier adottiv u minflok jiġu inseriti d-dettalji tiegħu.

Talab ukoll lill-Qorti tordna wkoll lid-Direttur tar-Registru Pubbliku ta’ Malta sabiex jiehu ħsieb jagħmel id-debita korrezzjoni tal-kunjom tal-minuri biex dan jiġi jirrispekkja l-kunjom tiegħu flimkien ma’ dak tal-omm.

Minn naħa tagħha l-omm u dak li kien it-tieni raġel tagħha, wieġbu u qalu li huma l-ġenituri adottivi, legalment rikonoxxuti ugwalment, tal-minuri dan hekk kif ċertifikat jikkonferma li nhar il-25 t’ Awwissu, 2010) ingħata Digriet t’adozzjoni filwaqt li l-istess adozzjoni ġiet reġistrata fis-26 t’ Awwissu, 2010.

L-omm u dak li kien ir-raġel tagħha qalu li jinsabu “ġenwinament sorpriżi bid-dikjarazzjonijiet li għamel fir-rikors tiegħu, liema dikjarazzjonijiet huma fil-maġġoranza assoluta tagħhom inveritiera u intiżi biss biex hu jqarraq bil-Qorti.

Iddikjaraw li bla preġudizzju, it-talbiet tiegħu ma jistgħu qatt jintlaqgħu mill-Qorti peress li f’dan il-każ kien hemm adozzjoni li saret interament bil-barka tal-Qorti kompetenti u għal kollox b’mod legali, u li għalhekk ħadd u xejn ma jista’ jiprova jitfa’ dubju fuq il-validità tal-istess adozzjoni.

L-omm qalet li assolutament mhux minnu li tul it-tqala tat-tifla, il-missier kien f’relazzjoni magħha. Qalet li għal kuntrarju, minkejja li hi kienet tagħmel tentattiv wara l-ieħor sabiex iżżomm kuntatt miegħu, huwa abbandunaha għal kollox tant li hi għamlet tqala sħiħa waħedha.

Qalet li weldet lit-tifla fil-preżenza biss ta’ ommha peress li hu lanqas biss indenja ruħu jkun preżenti għall-istess twelid tat-tifla. Qalet ukoll li lanqas m’huwa minnu li hi qatt ċaħdet lill-missier mit-tifla minkejja li hija kienet dikjarata bħala bint “missier mhux magħruf”.

Filfatt kienet hi stess illi organizzat kollox biex isir DNA test minkejja li l-missier kien qalilha li qabel ma jersaq lejn it-tifla huwa jrid jikkonferma li hija bintu.
Hi ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti fuq il-fatt li l-missier kull darba li għamel speċi ta’ tentattiv sabiex jinvolvi ruħu f’ħajjet it-tifla, kien dejjem jabbanduna kollox kif jissemma’ l-manteniment tal-istess minuri, u dan seħħ qabel ma seħħet l-adozzjoni in kwistjoni.

Iddikjara li assolutament mhux minnu li qatt kien hemm xi theddid fil-konfront tal-missier. Saħqet li t-tieni r-raġel lanqas qatt ma ra lill-missier u ma jafx min hu, u allura assolutament mhux minnu li qatt heddu.

L-omm ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti dwar il-fatt li t-tifla għandha relazzjoni tajba ħafna u b’saħħitha ma’ missierha, li kien hemm għaliha minn meta hija kellha biss l-eta’ ta’ sentejn u li dejjem ħabbha daqs kieku kienet bintu naturali, l-istess bħalma jħobb lil ħuha.

Ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti ukoll li t-tifla issejjaħ lit-tieni raġel “Pa” u dan sa minn meta kien għadha tarbija. Hija ma tafx lil missierha għax dejjem assenti minn ħajjitha. Qalet li sa llum huma għadhom qatt ma żvelaw mat-tifla li hija adottata u dan peress li jħossu li għadha żgħira u hemm ċans li jaħsduha b’tali fatt.

Huwa għalhekk u għax huma jemmnu li huwa fl-aħjar interess tat-tifla li sakemm ikollha aktar età u maturità hija ma għandhiex għalfejn titgħabba bil-piż tal-istorja tal-adozzjoni.

L-omm u t-tieni r-raġel tagħha qalu li kemm it-tifla kif ukoll ħuha trabbew flimkien f’għożża sħiħa. Qalu li filfatt minkejja li fis-snin riċenti, huma isseparaw minn xulxin legalment, baqgħu f’relazzjoni tajba ħafna tant li anke jorganizzaw ta’ kull ġimgħa ħruġ u attivitajiet biex il-familja kollha tkun flimkien u biex il-minuri jqattgħu ħin maż-żewġ ġenituri tagħhom.

Dan apparti l-okkażjonijiet speċjali kollha fejn huma dejjem ikunu flimkien f’birthdays u festi oħrajn bħall-Milied, Għid Il-Kbir u oħrajn. Saħqu li hu għal kollox illoġiku u wkoll irresponsabbli l-aġir tal-missier li wara li abbanduna lil bintu sa minn qabel twieldet, ma kkontribixxa qatt ebda forma ta’ sapport morali, psikoloġiku, inkella finanzjarju fil-konfront tagħha, u qatt ma kien hemm bħala missier responsabbli, issa kif sar jaf li bintu ilha mill-2010 adottata u qed jittanta jfixkel lill-istess tifla u lil min adottaha, billi jiprova jitfa’ dubju mill-validità tal-adozzjoni inkwistjoni.

Jixhed il-missier…jgħid li kien jagħtu flus lil omm imma provi m’għandux

Il-Qorti qalet li mix-xhieda tal-missier fis-sena 2022 ħareġ li wara relazzjoni ta’ madwar tliet xhur hija nqabdet tqila u kellhom lit-tifla. Jgħid li anke fit-tqala stess diġà kienu ħassru darbtejn u għalkemm jgħid li kien ikun hu li kull darba jmur lura biex jirranġaw, hu qatt ma ngħata ċ-ċans ikun preżenti kompletament f’ħajjet it-tifla kemm qabel u kemm wara t-twelid u fil-fatt għadu mweġġa’ bil-fatt li ma kienx preżenti fit-twelid.

Jgħid li l-omm dejjem kellha intenzjoni li t-tarbija titniżżel b’missier mhux magħruf u fil-fatt jgħid li l- familja tagħha qalbu dar għal żewġ appartamenti biex b’hekk omm it-tifla tidher li qed tgħix weħedha.

Il-Qorti qalet li hu mbagħad insista li jagħmlu t-test tad-DNA għax jgħid li l- omm ġiegħlitu jiddubita jekk it-tifla kinitx bintu. Jgħid li fl-interess ta’ bintu kien għamel diversi tentattivi ta’ rikonċiljazzjoni u mbagħad kellu jiftaħ medjazzjoni li permezz tagħha xorta ma waslu mkien.

Jgħid imbagħad li sar jaf li l-omm żżewwġet u addottaw lit-tifla u għadda minn perjodu ħażin ħafna. Qabel iż-żwieġ jgħid li rċieva telefonata fejn min kien qed iċempel qallu biex jinsa lit-tifla. Jgħid li n-numru tiegħu tal-mowbajl baqa’ dejjem l-istess u għalhekk kieku l-omm riedet, setgħet tikkuntatjah.

Saħaq li huwa kien jagħti flus lill-omm imma jgħid li m’għandux prova ta’ dan. Flimkien mal-ġenituri tiegħu jgħid li kienu xtraw diversi oġġetti għat-tifla iżda li ħafna drabi għajnuna mhix finanzjarja kienet tiġi rifjutata. Huwa ma kienx ikun jaf x’qed jiġri mill-flus li jtiha.

Il-Qorti tgħid li ommu xehdet permezz ta’ affidavit u kkollaborat il-verżjoni ta’ binha u żżid li l-omm meta kienet tmur għandhom kienet diġà tqila u li darba marru l-ġenituri tagħha għandhom u qalulhom li kienu ser jiżżewwġu ftit xhur wara u ommha qaltilhom li kienet ħadet ħsieb kollox. Madanakollu xi xahar qabel ma kellhom jiżżewwġu il-missier avżahom biex iwaqqfu l-preparamenti kollha. Tgħid li taf li missier l-omm kien qal lit-tifel tagħha sabiex ma jidhirx ħalli t-tifla tkun tista’ tieħu l-għajnuna soċjali mingħand il-gvern. Tgħid li bejn il-familji qatt ma kien hemm kwistjonijiet dwar min hu missier it-tarbija u lilhom aċċettawhom bħala l-familja paterna u qatt ma kien hemm diżgwid dwar dan. Tgħid li binha u l-omm baqgħu on and off kontinwament fir-relazzjoni tagħhom sakemm meta t-tifla kellha madwar sentejn kienu waqfu kompletament. Tgħid li t-tifel kien jgħinha finanzjarjament u anke attendew il-quċċija tat-tifla meta din għalqet sena. Tgħid li xtrawlha wkoll diversi oġġetti li kellha bżonn għat-tifla fejn għal xi oġġetti marret l-omm stess biex tagħżel. Meta l-missier daħal għal xiri ta’ post u ma baqax jagħtiha flus regolari, tgħid li kienu qalu lill-familja tal-omm biex f’każ li jkollha xi bżonnijiet jgħinuha huma. Tgħid li hawn kien beda l-ġlied għax skont hi l-familja tal-omm kienu jaraw biss il-flus u huma kienu jippreferu jagħtuha oġġetti mhux flus għax il-familja tal-omm kienu semmew li għandhom xi dejn u għalhekk ma kienux ċerti fejn qed imorru l-flus li jagħtuhom.

Ix-xhieda tal-omm….’ġabilna nofs
l-ispejjeż tal-vaċċin u reġa’ telaq minn ħajjithom’
L-omm minn naħa tagħha xehed li hi ltaqgħet mal-missier fl-2006 u li wara xahar u nofs li bdiet toħroġ miegħu saret taf li kienet tqila u damu biss flimkien sa xahar wara. Hija tgħid li lill-missier ratu biss xahrejn fit-tqala u li ma kellha l-ebda tip ta’ support minnu lanqas finanzjajru. Tgħid li hu kien mar biss meta t-tifla kellha erba’ xhur. Tgħid li l-missier ried li jagħmel test tad-DNA u hi ma kinitx sabet problema u minn dan irriżulta li hu missier it-tifla. Tgħid li wara dan huwa għamel ġimgħa jieħu interess fit-tifla mbagħad reġa’ għosfor. Tgħid li hi rabbiet lit-tifla weħedha sakemm reġa’ tfaċċa meta t-tifla kienet ser tagħlaq sena. Dakinhar hija qaltlu li hu kellu jibqa’ preżenti f’ħajjet it-tifla u jaqsam l-ispejjeż tat-tifla magħha. L-għada tgħid li ġabilha nofs l-ispejjeż tal-vaċċin u reġa’ telaq minn ħajjithom.
Tgħid imbagħad li fis-sena 2009 iltaqgħet mat-tieni raġel u żżewwġet f’April tas-sena 2010 u adottaw lit-tifla f’Awwissu tas-sena 2010 fi proċess li tgħid li kien għal kollox legali u mhux mgħaġġel.
It-tieni raġel jgħid li hu u l-omm iżżewwġu fis-sena 2010 u kienu marru għand avukat fejn mexxew bl-adozzjoni tat-tifla biex it-tifla ma tħossiex inqas minn ħuha. Jgħid li hu u l-omm llum separati iżda li għad għandhom relazzjoni tajba bejniethom u li jgawdu lit-tfal mingħajr ħinijiet u ġranet fissi. Ġie ppreżentat affidavit mit-tifla f’Ġunju tas-sena 2023. Hi tgħid li hi kellha trobbija normali mal-ġenituri tagħha fejn qatt ma naqasha xejn. Tgħid li għandha relazzjoni tajba ħafna maż-żewġ ġenituri. Tgħid li kien ftit żmien ilu li l-ġenituri tagħha qalulha li kienet addottaha u ma kienx il-missier naturali tagħha. Tgħid li lil missierha naturali qatt ma ltaqgħet miegħu u ma tafux. Tgħid li tħoss li missierha adottiv jagħmel kollox għaliha u li ma jiddispjaċihiex li l-affarijiet ġraw kif ġraw għax missierha adottiv jieħu ħafna ħsiebha.

Id-deċiżjoni tal-Qorti
Il-Qorti iddeplorat il-fatt li fit-twelid, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi bejn il-partijiet jitniżżel missier mhux magħruf meta l-omm kienet taf ben tajjeb u kienet ċerta kif tgħid hi stess li hu kien missier it-tarbija, b’dan li ntefa’ piż indebitu fuq l-Istat li messu refgħu l-missier. Il-minuri stess kif jidher issa mill-affidavit tagħha taf bil-fatti kif ġraw u li l-missier li rabbiha mhux il-missier naturali imma l-missier adottiv.
Għalhekk il-Qorti hija konvinta li għandha tilqa’ l-ewwel talba tal-missier billi tiddikjara illi huwa l-missier naturali tat-tifla b’dak illi l-ewwel att tat-twelid jiġi emendat f’dan is-sens. L-Att tat-Twelid tal-2006 li jirrifletti l-istat adottiv ma jistax jintmess.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport