Wednesday, March 4, 2026

Missier jixhed kif allegatament ingidem minn Tammy Caruna meta mingħalih kienet qed tgħinnu

Aqra wkoll

Hekk kif kompliet tinstema’ ’ il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Tammy Caruana ta’ 25 sena minn San Pawl il-Baħar, li fil-Qorti ċaħdet li allegatament ffrodat mal-200 persuna xehed fost l-oħrajn raġel li qal li kien irrekodja lill-imputata wara li rċieva telefonata u għarafha. 

Xehed li hu kien xerred din it-telefonata fuq il-midja soċjali biex iwissi lill-pubbliku.  

Fix-xhieda tiegħu, spjega li matul it-telefonata, timstema’ mara li hu ssuspetta li hija Caruana u din tgħid lir-raġel biex idaħħal kodiċi u dettalji ta’ verifika fl-applikazzjoni tal-bank tiegħu. Tgħidlu wkoll biex jagħfas fuq link mibgħuta lilu.

Waqt din it-telefonata ix-xhud jinstema jgħid li “din hija scam li jieħdu €5,000 bħalma ħadtu lill-missieri u lil sieħbi” bil-mara twieġbu “le” u taqta’ t-telefonata.

Xhud ieħor kien il-missier tal-ewwel xhud fejn spjega kif ġie ffrodjat f’Lulju tas-sena li għaddiet. Spjega li ftit wara li ttrasferixxa somma sostanzjali ta’ flus fil-kontijiet tiegħu, kien irċieva telefonata mingħand mara li qalet li kienet qiegħda ċċempel mill-bank. 

Xehed li l-mara staqsietu dwar it-tranżazzjonijiet reċenti tiegħu u infurmatu li kienu qed isiru tentattivi ta’ trasferimenti suspettużi li jammontaw għal eluf ta’ ewro mill-kont tiegħu. Qal li l-mara bagħtitlu link u qaltlu biex idaħħal id-dettalji bankarji tiegħu personali.

Kien biss wara li kkuntattja direttament lill-bank li induna li kien ġie mqarraq. Sa dak il-ħin, kienu diġà nġibdu €2,300 u €2,700 kienu għadhom pendenti. Ir-raġel qal lill-qorti li jisħti jgħid li waqa’ vittma ta’ din l-iskema.

Hu temm ix-xhieda tiegħu billi qal li ma jafx kemm-il darba qalilha grazzi għaliex verament emmen li l-mara kienet qed tgħinu biex jipproteġi l-kontijiet bankarji tiegħu.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Claire Vella Borg flimkien mal-Avukati Marica Ciantar u Mauro Abela f’isem l-Avukat Ġenerali. Għal Bank of Valletta plc deher il-Professur Stefano Filetti. Għall-akkużati dehru l-Avukat Roberto Spiteri u Franco Galea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport