Missier Luis Diaz, Luis Manuel Diaz, sostna li Tottenham Hotspur tilfu ċ-ċans li jiffirmaw lil ibnu matul it-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar hekk kif “eżitaw ħafna” fin-negozjati.
Spurs kienu marbuta b’mod qawwi mas-servizzi tal-internazzjonali tal-Kolombja qabel ma Liverpool daħlu biex jiffirmawh mingħand Porto b’kuntratt ta’ ħames snin.
Il-player ta’ 25 sena ddebutta mat-team ta’ Jurgen Klopp kontra Cardiff City fl-FA Cup fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u mistenni jilgħab fil-Premier League kontra Leicester City fil-Premier League llum il-Ħamis.
Skont Luis Manuel Diaz, l-eżitazzjoni ta’ Tottenham swiethom iċ-ċans li jiffirmaw lil ibnu, b’Liverpool jaġixxu malajr biex jassiguraw is-servizzi tiegħu fi ftehim inizjali li jiswa £37.5m.
“Kien hemm ħafna pretendenti li riedu s-servizzi ta’ Luis, iżda huwa kellu l-ħolma li jingħaqad ma’ Liverpool, għax huma team elite,” qal missier Diaz.
“Wara l-ewwel logħba, huwa qalli li Liverpool huwa team li jaħdem bis-sħiħ, komplet, li fih se jħossu komdu u se jkollu ċ-ċans jilgħab ma’ players ta’ livell għoli.’
Diaz, li primarjament jopera bħala attakkant xellugi, skorja 41 goal u rreġistra 19-il assist f’125 dehra għal Porto fil-kompetizzjonijiet kollha.