Monday, December 16, 2024

Missier mhux ħati li abbuża minn bintu … setgħet ħolqot din l-istorja minħabba li missierha kien jiddixiplinaha

Aqra wkoll

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit illiberat missier minn kull akkuża ta’ abbuż fuq bintu, bil-Qorti temmen li t-tifla setgħet ħolqot din l-istorja minħabba li missierha kien jiddixxiplinaha fuq l-użu eċċessiv tal-mobile jew minħabba li kienet qed tibża’ għax missierha  kien se joħroġ mill-ħabs daqt.

Ir-raġel kien mixli li kkorrompa lil bintu u li għamel xi attivitajiet sesswali magħha, liema każ imur lura għal bejn l-2017 u s-sena 2020. Huwa kien akkużat ukoll li beżża’ lil bintu. 

L-imputat kien ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih. Fix-xhieda tagħha mart l-imputat u omm it-tifla qalet li temmen il-verżjoni ta’ żewġha u mhux tat-tifla. 

Fil-Qorti, kemm l-imputat kif ukoll martu spjegaw li t-tifla setgħet ħolqot din l-istorja minħabba li missierha kien iżommilha ħafna, speċjalment minħabba l-fatt li din kienet tqatta’ ħafna ħin fuq il-mobile. 

It-tifla kienet allegat mal-Pulizija li missierha kellu problema ta’ droga u li kien isawwathom meta kien jitlobhom il-flus. Qalet ukoll li l-allegat abbuż minn missierha waqaf meta dan daħal il-ħabs. 

Hija allegat li kien ibusha fuq xuftejha, għonqha u jipprova imissilha sidirha u l-parti privata tagħha. Allegat ukoll li darba minnhom talabha biex iġġiblu xugaman u li meta marret biex tnewwilulu, dan allegatament beda jmiss il-parti privata tiegħu quddiemha.

Fix-xhieda tagħha, omm it-tifla spjegat li hi qatt ma kienet tħalli lit-tifla waħedha u li kif kienet imqassma d-dar kieku sar xi ħaġa kienet tarah. Spjegat li wara li saru dawn l-allegazzjonijiet, it-tifla bdiet tweġġa’ lilha nnifisha b’sikkina. 

Fil-Qorti xehdet ukoll tabiba li spjegat li l-ġrieħi li kellha fuqha t-tifla kienu ġejjin minħabba l-fatt li din kienet tweġġa’ lilha nnifisha. Qalet li meta eżaminat it-tifla setgħet tinnota li t-tifla kienet anzjuża u inkwetata għax missierha kien se joħroġ mill-ħabs.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti, qalet li ma jirriżultax li hemm provi biżżejjed li juru ħtija fuq l-imputat. Innotat li kien hemm diversi inkosistenzi fil-provi mressqa fosthom ix-xhieda tat-tifla. 

Il-Maġistrat Zammit qalet li għat-tifla kienet faċli immens li toħloq storja fuq missierha waqt li kien il-ħabs fuq akkużi oħra. Wara li qieset dan kollu, il-Qorti ma sabitx ħtija fil-konfront tal-imputat u għalhekk illiberatu.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport