Libjan ta’ 47 sena residenti Marsalforn tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn ġie akkużat li beżża’ lil bintu ta’ 15-il sena u anke lil ommha li tiġi l-eks sieħbha tiegħu.
Isem il-Libjan mhux qiegħed jixxandar minn dan is-sit biex tiġi protetta l-identità tal-vittmi.
Hu kien mixli li wettaq dan ir-reat id-19 ta’ Diċembru li għadda, u fil-ġranet, ġimgħat u xhur ta’ qabel, fir-residenza fejn tgħix il-familja.
Il-Prosekuzzjoni akkużatu wkoll li hedded kemm lill-eks sieħbha u anke lit-tifla, li uża apparat ta’ komunikazzjoni b’mod mhux xieraq u li kiser żewġ sentenzi ta’ ħabs sospiżi li ngħatawlu fl-aħħar sentejn.
Fil-Qorti l-Libjan wieġeb mhux ħati, u ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest. Għalhekk il-Maġistrat ordnat li jibqa’ jinżamm taħt arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras.

