Sunday, December 22, 2024

Missier u iben mixlija b’pussess aggravat tad-droga u ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Missier u iben inżammu arrestati fuq akkużi ta’ pussess aggravat tad-droga, ħasil tal-flus u ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest. 

Mario Brignone ta’ 68 sena residenti Bormla u Josef Zammit ta’ 30 sena minn Marsaskala wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom. L-akkużi kienu relatati ma’ sejba ta’ droga f’proprjetà tagħhom.

L-Ispettur Mark Mercieca spjega fil-Qorti kif Zammit kien arrestat it-Tnejn wara li kien mar jiffirma fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar. Fuqu nstabu ammont kbir ta’ flus kontanti. 

Minn tfittxija fil-vettura tiegħu nstabu diversi qratas bi droga suspettata kokaina u eroina moħbija fil-bieba tan-naħa tax-xufier. 

Il-Pulizija mbagħad għamlet tfittxija fir-residenza tiegħu fejn instabet id-droga kannabis. Sadanittant, minn tfittxija fir-residenza ta’ Brignone nstabu ammont ta’ flus konanti moħbija f’apparat domestiku. 

Ċavetta li nstabet taħt it-tapit ta’ quddiem il-bieb kienet taqbel ma’ residenza abbandunata, fejn instabu aktar droga u flus kontanti flimkien ma’ tagħmir użat għall-manifattura tal-‘crack cocaine’. 

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-imputati allegatament huma involuti fi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus u l-fatt li numru ta’ nies kienu marru biex jixtru d-droga mid-dar tiegħu anke waqt li l-pulizija kienu hemm jarrestawh.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u minħabba li l-irġiel ma ssodisfawx ir-rekwiżiti legali għal-libertà proviżorja. Ġiet imposta wkoll ordni ta’ ffriżar fuq l-assi tal-irġiel. 

L-Avukat Franco Debono deher għall-imputati. 

Ekonomija

Sport