Mariah Mifsud Bonnici, bint Noel li fil-festa tal-Ħamrun spiċċa midrub wara li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma tħallix jidħol fil-każin tal-istess partit, f’messaġġ li tellgħet fuq il-midja soċjali qalet li missierha kien il-ħaruf tas-sagrifiċċju … “u nkompli nżid ngħid li l-ħaruf sulu għax li kieku ma kontx b’saħħtek min jaf x’kien jiġri minnek.”
Hi tkompli tgħid li filwaqt li missierha tefugħ fin-nassa, iżda imbgħad ħadd ma kien kapaċi jiddefendih. Tiddikjara li l-vot tagħha dejjem tagħtu lill-Partit Nazzjonalista, ida wara dak li ġara l-Ħamrun nhar il-Ħadd li għadda hi tiddikjara li hija eks-Nazzjonalista … ” u minn hawn ‘l quddiem jarah Alla mhux jien.”
Mariah bdiet il-messaġġ tagħha billi qalet li kienet se tikteb dan il-messaġġ tal-ewwel u tal-aħħar fuq il-Partit Nazzjonalista, “għax tafu li mhux xi waħda li nideletta fuq dawn l-affarijiet.”
Tgħid li missierha dejjem ta l-libertà tant li għamlet għaxar snin tippreżenta programm fuq il-One għax “kont tippreferi tarani kuntenta milli ċċaħadni minn dak li veru kont inħobb nagħmel.”
Hija rringrazzjat lil dawk kollha li staqsew u bagħtu messaġġi biex jaraw il-kundizzjoni tas-saħħa ta’ missierha. Itemm tgħid li missierha qed jirkupra bil-mod wara Operazzjoni Maġġuri.