Thursday, October 2, 2025

MISTENNI BUDGET IEĦOR B’SAĦĦTU … 

Aqra wkoll

Kif inhu mistenni, il-Budget li se jressaq fl-aħħar jiem ta’ Ottubru, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana għas-sena li ġejja, se jkun wieħed li jkompli jħabbar il-politika fiskali ta’ dan il-Gvern u kull miżura li se tittieħed mill-Gvern se tkun sostenibbli. Għaldaqstant f’dan il-Budget huwa ttamat li dan jerġa’ jkun wieħed sinifikanti għall-qasam soċjali.

Qasam li dejjem ikollu l-ogħla allokazzjoni fih għax jinkludi l-benefiċċji u l-għajnuna soċjali kollha kemm huma. Nifhmu li dan il-Budget se jinkludi l-faxex kollha tas-soċjetà. Dan qed ngħiduh għaliex hemm min se jibbenefika mit-tnaqqis fit-taxxi daqskemm hemm ukoll min se jgawdi mix-xibka soċjali li ssaħħet matul dawn l-aħħar snin.

Fi ftit kliem nemmnu li dan il-Budget se jkompli jibni l-infrastruttura tat-tajjeb li diġà sar biex il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi tkompli miexja ’l quddiem u għada jkun aħjar mil-lum u mill-bieraħ. Il-budgets li ġew preżentati
f’dawn l-aħħar snin, wieħed wara lieħor, biddlu għalkollox in-narrattiva u l-perċezzjoni tal-poplu.

Fejn sa ftit snin ilu, il-poplu kien jistaqsi x’se jittiħidlu, illum qed isaqsi x’se jingħata. Dan kollu huwa dovut għall-klima politika stabbli u għar-reżiljenza tal-ekonomija ta’ pajjiżna li kompliet tikber minn sena għalloħra. Fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu li l-Budget li se jitressaq, se jkun ieħor fil-kullana ta’ inizjattivi u miżuri soċjali u ekonomiċi li dan il-Gvern għaraf iressaq ’il quddiem għall-ġid ta’ kulħadd.

Hemm ukoll il-ħidma għal infrastruttura sostenibbli b’investiment u diversifikazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija hekk kif id-domanda f’dawn l-aħħar snin baqgħet tiżdied, aktar investiment fl-infrastruttura tat-toroq għal mobbiltà aħjar kif ukoll f’dik marittima, l-immaniġjar tal-iskart, fl-immaniġjar tal-ilma u proġetti fil-komunità. M’hemmx dubju li dan se jkun budget ieħor ta’ sostenn għall-poplu tagħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport