Sunday, December 22, 2024

Mistenni Milied ieħor xemxi f’pajjiżna … l-ebda sinjal ta’ xita

Aqra wkoll

It-temp f’jum il-Milied huwa mistenni jkun sabiħ, hekk kif il-25 ta’ Diċembru huwa mbassar li jkun il-biċċa l-kbira xemxi u pjuttost sħun.

It-temperatura massima hija mistennija tilħaq 19°C f’lejlet il-Milied u 20°C f’jum il-Milied, filwaqt li dik l-aktar baxxa hija mbassra li tvarja bejn 13°C u 15°C bejn is-Sibt u l-Ħadd. Ħarsa lejn l-arkivji tal-Uffiċċju Meteoroloġiku turi li l-ogħla temperatura li qatt intlaħqet f’jum il-Milied kienet ta’ 23.6°C fl-2009, filwaqt li dik l-aktar baxxa kienet niżlet għal 3.7°C fl-1986.

Għal lejlet il-Milied, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar riħ pjuttost qawwi sa qawwi mill-Majjistral, li jsir pjuttost qawwi aktar tard matul il-jum. Jum il-Milied, min-naħa l-oħra, huwa mistenni jkun anqas mirjieħ, hekk kif riħ moderat sa pjuttost qawwi huwa mbassar li jikkaratterizza l-ġurnata.

L-ebda xita ma hija mbassra għall-jiem li ġejjin. Fil-fatt ħarsa lejn l-arkivji turi li l-aħħar darba li għamlet ix-xita f’jum il-Milied kien fl-2014, meta l-Uffiċċju Meteoroloġiku kien kejjel 0.2 mm xita.

Matul il-ġimgħa d-dieħla nistgħu nistennew li nkomplu ngawdu temp sabiħ u jiem xemxin, b’temperaturi massimi ta’ 21°C mbassrin għall-għada tal-Milied u t-Tlieta u riħ ħafif sa nhar il-Ħamis.

Ekonomija

Sport