Matul is-sigħat li ġejjin, hekk kif tinżel ix-xemx fuq pajjiżna qegħdin nistennew “spettaklu” fis-sena minn stillel feġġejja. Dan hekk kif l-aktar episodju ta’ stillel feġġejja popolari madwar id-dinja reġa wasal.
Is-sit Maltese Islands Weather jirraporta li l-Perseids, kif inhuma magħrufa, se jilħqu l-aqwa tagħhom fis-sigħat bikrija tat-Tnejn 12/8 u t-Tlieta 13/8.
“B’rata ta’ madwar 80 stilla feġġejja fis-siegħa, il-Perseids huma waħda minn l-aktar episodji ta’ stillel feġġejja attivi. Il-Qamar qiegħed fl-istadju ta’ l-Ewwel Kwart u Mużqaq, u għalhekk l-aqwa ħin biex tara dan l-ispettaklu jkun wara nofsillejl. Jekk tridu tgawdu dan l-avveniment ċelestjali tridu ssibu post il-bogħod kemm jista jkun imdallam,” jinkiteb fuq is-sit.
Biex wieħed jara dan “l-ispettaklu” għandu jmur f’post imdallam fil-kampanja.
“L-għajnejn idumu madwar 30 minuta biex jakklimatiżżaw. Aktar ma tistenna, aktar se tara stillel feġġejja. Preparaw għan-nemus, ilma għax-xorb u biex tkunu komdi. Dawn se jkunu jfeġġu mill-konstellazjoni Perseus. Din il-konstellazjoni tidher lejn il-Grigal. L-aħjar mod hu li tħares dirett il-fuq. Stillel feġġejja huma biss frak ta’ debris li tħalli warajja kometa.
“Dawn jinġibdu mid-dinja. Huma u deħlin fl-atmosfera jisħnu u jinħarqu. Dawn jidhru bħal linja ta’ dawl għal ftit sekondi, peress li jkunu għaddejjin b’veloċita ta’ madwar 59 kilometru fis-sekonda. Meta jkunu għadhom fl-ispazju, dawn l-hekk imsejjħa stillel feġġejja ngħidulhom metjoriti,” itemm jgħid is-sit Maltese Islands Weather.