Tliet persuni se jkunu qed jitressqu l-Qorti, aktar tard illum, għall-ħabta tal-5:00 p.m., b’rabta mas-serqa ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda f’ġojjellerija fiż-Żurrieq.
Kawża ta’ din is-serqa, raġel ta’ 67 sena residenti l-Fgura sofra diversi ġrieħi tant li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Fi stqarrija li ġiet ikkomunikata mal-midja, il-Pulizija qalet li żewġt irġiel – wieħed ta’ 37 u ieħor 26 sena – flimkien ma’ mara ta’ 29 sena qed jinżammu fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Furjana għal aktar stħarriġ b’rabta ma’ din is-serqa.
Huma ġew arrestati l-Ħadd filgħaxija u ntqal li x’aktarx kienu qegħdin jistaħbew f’binja abbandunata f’Tas-Sliema.
Il-każ se jinstema’ quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo.