Saturday, December 21, 2024

Mistennija kriżi ġdida ta’ refuġjati lejn l-Ewropa

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif ilbieraħ waranofsinhar saret laqgħa virtwali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, kollox qed jindika li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jiffaċċjaw kriżi kbira ta’ refuġjati. Mhux biss hemm dawk li huma ddisprati biex jaħarbu mit-Talibani, imma hemm oħrajn li diġà ħarbu mill-pajjiż bid-destinazzjoni tkun l-Ewropa. Dawk li jkunu qed jaħarbu mill-Afganistan, ħafna drabi jużaw ir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran biex jidħlu fl-Ewropa. Din il-mewġa ta’ refuġjati, li mistennija fi żmien qasir, tista’ twassal biex tagħti opportunità lill-partiti u gruppi tal-lemin estrem biex juża dan għal gwadann fil-popolarità tagħhom.

Madwar 570,000 persuna Afgana talbu kenn fl-Ewropa f’5 snin

Sa issa kollox qed jindika li għalkemm diġà hemm vuċijiet fl-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha li qed jitkellmu fuq li jagħtu kenn lil dawk li qed jaħarbu, fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hemm diverġenzi dwar dan u hemm min mhux lest li jagħmel dan. Anzi hemm pajjiżi li lesti li jkomplu  bi pjan biex immigranti Afgani ikunu deportati.

Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn kemm daħlu persuni Afgani fl-Ewropa bejn is-sena 2015 u s-sena 2020, isib li kien hemm xejn inqas minn 570,000 persuna Afgana li talbu protezzjoni fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Kienu qed jaħarbu madwar 30,000 fil-ġimgħa…

…dawn mistennija jiżdiedu

Skont dak ippubblikat mill-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti fl-aħħar jiem kien hemm kważi nofs miljun persuna li mill-bidu tas-sena sa issa kienu sfurzati jħallu djarhom fl-Afganistan.  Hu smat li madwar 30,000 persuna qed jaħarbu mill-Afganistan kull ġimgħa. 

Hu previst u dan diġà qed jiġri minħabba li l-pajjiż waqa’ f’idejn it-Talibani, li apparti li hemm ħafna nies li kienu qed jaħarbu mill-pajjiż permezz tas-servizzi bl-ajru. Dawn kienu nies li kellhom permessi ta’ residenza f’pajiżi oħra. Ma’ dawn imma hemm għadd kbir ta’ nies oħra li qed jaħarbu b’mod irregolari u dan għas-sigurtà tagħhom. Dawn qed jaħarbu bla dokumenti tal-ivvjaġġar.

Tista’ tirrepeti ruħha l-kriżi tas-sena 2015

Diversi analisti qed ibassru li dak li qed iseħħ fl-Afganistan jista’ jwassal biex tiġi ripetuta l-kriżi tal-immigrazzjoni li ffaċċjat l-Unjoni Ewropea fis-sena 2015.  Fil-fatt fil-jiem li ġejjin mistennija tissaħħaħ is-sorveljanza fil-fruntieri mat-Turkija.

Il-President tal-Parlament Ewropew isejjaħ biex dawk f’periklu jingħataw kenn

Intant, il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli għamel dikjarazzjoni ċarissima. Enfasizza li “s-sitwazzjoni li qed isseħħ fl-Afganistan jeħtieġ li jkollha rispons unit u magħqud mill-Unjoni Ewropea.  Il-pajjiż għandu bżonn soluzzjoni politika, li tipproteġi  id-drittijiet tan-nisa waqt li tħalli lill-Afgani jgħixu b’sigurtà u dinjità f’darhom. Dawk li qegħdin f’periklu ta’ persekuzzjoni għandhom jingħataw kenn”.

Maltin fost dawk li tefgħu ‘wiċċ jidħak’ għad-diskors tal-President Ewropew

Id-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew qajmet għadd ta’ kummenti dispreġjattivi lejh. Fil-fatt il-paġna tal-Parlament Ewropew fejn ittellgħet id-dikjarazzjoni kienet mimlija kumment negattivi u dispreġġjattivi. Fost dawk li għamlu wiċċ daħkan, allavolja s-sitwazzjoni fl-Afganistan hi waħda traġika kien hemm diversi Maltin. 

Il-fatt li kien hemm ammont sew ta’ nies li għamlu wiċċ daħkan, wassal biex Olivier Cassagnau, li hu Franċiz jikkummenta li hawn, hawn xejn inqas minn 120 ruħ li għamlu wiċċ daħkan fuq dan il-kumment.  Nifhem li dawn ma jridux aktar immigranti f’pajjiżhom. Ngħid li m’hemm xejn tad-daħk f’dak li qegħdin jesperjenzaw bħalissa n-nisa Afgani”.

Diversi pajjiżi Ewropej li kienu se jiddeportaw persuni Afgani… waqqfu l-pjani

Il-fatt li t-Talibani reġgħu ħadu l-kontroll tal-pajjiż, wassal biex deportazzjonijiet ta’ persuni Afgani minn pajjiżi Ewropej lejn l-Afganistan ikunu sospiżi. Fost dawk li ssospendew id-deportazzjonijiet hemm il-Ġermanja, l-Olanda, l-Iżvezja, l-Finlandja, il-Belġju u d-Danimarka. Pajjiżi bħar-Repubblika Ċeka u anki l-Awstrija ma qablux ma’ dan u qalu li se jkomplu għaddejjin bid-deportazzjonijiet.

L-Albanija lesta li tilqa’ refuġjati Afgani… aċċettat talba tal-Istati Uniti  

Kien proprju fl-aħħar sigħat ukoll li l-Albanija ħabbret li laqgħet temporanjament talba mill-Istati Uniti biex jaċċettaw persuni Afgani li qed jaħarbu.

Il-Prim Ministru Albaniż, Edi Rama qal li l-amministrazzjoni ta’ Biden kienet talbitu biex l-Albanija isservi ta’ pajjiż li fih jilqa’ immigranti Afgani li d-destinazzjoni tagħhom hi l-Istati Uniti.  

“Mhux se ngħidu le. Dan mhux għax l-akbar alleati tagħna qalulna hekk, imma għax Albaniżi”, qal il-Prim Ministru tal-Albanija. 

Ekonomija

Sport