Friday, November 22, 2024

Mistennija protesti kbar waqt il-Eurovision Song Contest f’Malmo

Aqra wkoll

Meta llum jitla’ s-siparju fuq il-Eurovision Song Contest fil-belt Żvediża ta’ Malmo, il-pajjiż diġà jinsab fuq allert għoli minħabba dimostrazzjonijiet kbar ippjanati biex jikkoinċidu mal-avveniment. Fil-fatt, is-sigurtà qed tiġi ssikkata l-iktar f’Malmo, l-Iżvezja.

Iċ-ċelebrazzjoni annwali tal-pop u l-ispettaklu din is-sena hija mgħottija minn ilmenti minn xi pajjiżi dwar il-parteċipazzjoni ta’ Iżrael minħabba l-gwerra f’Gaża. L-Isvezja kienet diġà qed tiffaċċja sfidi akbar ta’ sigurtà, u Malmo qed tistenna wieħed mill-akbar rinforzi tal-pulizija li qatt saru fil-pajjiż.

Mal-100,000 viżitatur huma mistennija li jivvjaġġaw lejn il-belt ta’ Malmo fuq il-kosta tal-Lbiċ tal-Isvezja għall-akbar konkors ta’ mużika live fid-dinja.
Bnadar bil-kuluri tal-Eurovision iżejnu ħafna mit-toroq tal-belt, u hija t-tielet darba li Malmo qed tospita l-festival wara li l-kantanta Svediża Loreen rebħet il-kompetizzjoni tas-sena l-oħra f’Liverpool, bil-kanzunetta tagħha Tattoo.

Is-Sibt jibda programm ta’ festi, bl-ewwel semifinali llum u oħra l-Ħamis li ġej, li jilħqu l-qofol tagħhom fil-finali kbira fil-11 ta’ Mejju. Huwa stmat li madwar 200 miljun telespettatur madwar id-dinja se jsegwu l-ispettaklu ta’ erba’ sigħat.

Tqegħdu għal-lest rinforzi tas-sigurta minn madwar l-Isvezja, b’rinforzi mid-Danimarka u n-Norveġja. Il-pulizija Żvediża ġeneralment tkun armata, iżda xi uffiċjali se jġorru armi akbar bħala miżura ta’ prekawzjoni.

Il-kap tal-pulizija ta’ Malmo, Petra Stenkula, qalet li l-pajjiż kollu diġà jinsab fuq livell għoli ta’ terrur. Il-kap tal-pulizija qalet ukoll li ma kien hemm l-ebda theddid speċifiku għall-avveniment, iżda l-livell ta twissija żdied f’Awwissu li għadda, wara ruxxmata ta’ ħruq tal-Quran li rrabjat lid-dinja Musulmana.

Rapport intern tal-pulizija enfasizzat mix-xandar pubbliku tal-Isvezja SVT, iddeskriva lill-Isvezja bħala “mira ta’ prijorità” għal gruppi ġiħadisti vjolenti.
Ġw installati wkoll kameras u d-drones qed jintużaw għas-sorveljanza.

Il-mistednin se jkollhom jgħaddu wkoll minn kontrolli ta’ sigurtà stil ta’ ajruport inklużi skanners u tfittxijiet fuq il-persuna, meta jidħlu f’postijiet u ma huma permessi l-ebda basktijiet.

L-awtoritajiet ilhom xhur jippjanaw u jaħdmu wkoll mal-kontropartijiet tagħhom f’Liverpool, li ospitaw il-kompetizzjoni tas-sena l-oħra. Malmo ospitat lill-Papa u wkoll konferenza tat-Tifkira tal-Olokawst sentejn ilu. Iżda d-direttur tas-sigurtà tal-belt jgħid li dak li hu ġdid huwa t-theddida ġenerali lejn l-Isvezja.

Jidher li t-theddid mhux immirat lejn il-Eurovision per se, billi sigurtà simili kienet fis-seħħ għal playoffs riċenti tal-hockey fuq is-silġ, u kienet ippjanata wkoll għall-kunċerti ta’ Taylor Swift ta’ dan ix-xahar fi Stokkolma.

Il-kontestanta Iżraeljana Eden Golan, ta’ 20 sena, u l-kanzunetta tagħha Hurricane bla dubju se jkunu fl-attenzjoni. Oriġinarjament intitolata October Rain, il-kanzunetta kienet alludiet għall-attakki tal-Ħamas fuq in-Nofsinhar ta’ Iżrael fis-7 ta’ Ottubru li għadda.

L-istazzjon tax-xandar pubbliku ta Iżrael qabel li jimmodifika l-lirika, u l-Unjoni Ewropea tax-Xandir (EBU), li hija responsabbli għall-konkors, aċċettat il-kanzunetta.

Il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Iżrael nhar il-Ħamis ħareġ twissija kontra l-ivvjaġġar lejn Malmo. B’popolazzjoni ta 360,000, Malmo hija waħda mill-ibliet l-aktar differenti tal-Isvezja. Xi wħud mill-komunità Lhudija b’saħħitha ta’ Malmo ta’ 1,200 qalu li jħossuhom nervużi u jibżgħu.

Malmo għandha wkoll komunità Palestinjana mdaqqsa, u l-konkors qanqal sentimenti qawwija u protesti ta’ kull ġimgħa għal xhur sħaħ biex jitolbu li l-Eurovision jibbojkottja lill-Iżrael.

Fiż-żona traffikuża ta’ Triangeln, Yomn Kadoura, wieħed mill-organizzaturi tal-protesti u resident Palestinjan, qal lill-BBC li l-Iżrael mhux milqugħ f’Malmo għax qed jibbumbardjaw nies ċivili f’Gaża. Kadoura irrimarka li r-Russja ġiet ipprojbita wara li nediet l-invażjoni tagħha fuq skala sħiħa tal-Ukrajna fl-2022.

Il-pulizija rċeviet 10 applikazzjonijiet separati għal dimostrazzjonijiet fil-ġimgħa li ġejja. Żewġ rallys tal-massa fiċ-ċentru ta’ Malmo, diversi kilometri ‘l bogħod mill-post, se jsiru nhar il-Ħamis u s-Sibt li ġej, li jikkoinċidu mat-tieni semi-finali u finali.

Il-Pulizija qed tistenna li d-dimostrazzjoni tkun akbar mill-protesti li saru s’issa fost dimostrazzjonijiet oħra hemm ħruq ippjanat ta’ Quran, li l-pulizija għad iridu jiddeċiedu dwaru. M’hemm l-ebda liġi fl-Iżvezja li tipprojbixxi l-profanazzjoni ta’ testi reliġjużi, iżda atti bħal dawn spiss qajmu tensjoni.

Iżda minkejja t-tensjoni ‘l barra mill-palk, il-Eurovision se jibqa’ dejjem il-Eurovision, b’sensiela ta’ avvenimenti inkluż wirja speċjali mill-ABBA li tiċċelebra 50 sena minn meta l-kwartett Żvediż rrebaħ l-ispettaklu bil-kanzunetta Waterloo.

Sport