Sunday, December 22, 2024

Mistoqsijiet li hemm bżonn jiġu mwieġba dwar ir-rata baxxa tat-twelid f’pajjiżna

Aqra wkoll

Evarist Bartolo qajjem xi punti b’rabta mad-demografija tal-pajjiż skont tbassir minn studju riċerkat li għamel personalment minn diversi siti inklusi statistiċi ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea. 

Bartolo jgħid li sas-sena 2050 il-popolazzjoni ta’ pajjiżna mistenni jkun il-pajjiż bl-akbar tkabbir tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea b’popolazzjoni li tilħaq is-668,000 persuna.

Bartolo jkompli biex jgħid li pajjiżna diġà huwa wieħed mill-iżjed pajjiżi ffullati, iżda imbagħad wieħed mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea bl-aktar rata baxxa ta’ twelid li tindika li n-nisa Maltin għandhom rata ta’ fertilità ta’ 1.14 fil-mija biss. Kompla biex jikkwota li fis-sena 2020 twieldu 4,414 tarbija f’pajjiżna, b’terz minnhom lill-ommijiet mhux imwielda f’Malta (barranin).

Meta kkumparat mas-sena 1950, dan juri li kien hemm tnaqqis b’aktar min-nofs u dan hekk kif f’dik is-sena hu stmat li twieldu 10,281 tarbija.

Bartolo jkompli biex jgħid li spiss ikun hawn min jgħid li għandna invażjoni tal-barranin li jiġu jaħdmu fostna. Ftit eluf minnhom daħlu hawn bħala immigrant irregolari. Imma ħafna minnhom ġew jaħdmu hawn għax m’għandniex biżżejjed nies Maltin biex jimlew l-impjiegi li noħolqu. Dan hekk kif kull sena pajjiżna joħloq 12,000 impjieg u qed jitwieldu 4,000 tarbija. Dan ifisser li jibqa’ d-domanda ta’ minn fejn pajjiżna se jġib it-8,000 li jibqa’.

Fil-preżent pajjiżna għandu popolazzjoni ta’ 443,803 li 21 fil-mija tagħhom huma barranin u dan wassal lil Bartolo għal mistoqsija oħra li tiġi waħedha. Huwa jistaqsi li jekk il-popolazzjoni tagħna se tiżdied b’dak l-ammont sal-2050 u r-rata tat-twelid tal-Maltin hija daqstant baxxa, kemm se jkunu qegħdin jiżdiedu l-barranin f’pajjiżna?

“Tant hi baxxa r-rata taghna li l-għamla tal-popolazzjoni tagħna hija dik li tissejjaħ forma ta’ tebut, għax għandna popolazzjoni li qed tikber u tixjieh. Irridu niddeċiedu: jekk ingergru mill-barranin li hawn jaħdmu fostna u aħna ma nżidux ir-rata tat-twelid, mhux bilfors jiżdiedu l-barranin li jiġu jaħdmu fostna?”, ikompli Bartolo.

Huwa jitkellem dwar il-possibbiltà li biex issalva l-ekonomija mingħajr il-bżonn li jiżdiedu daqstant il-barranin hija li jsir investiment akbar fit-teknoloġija. Minkejja dan huwa sostna li anke jekk pajjiżna jimxi f’din id-direzzjoni, jeħtieġ li jkompli jħeġġeġ iżjed nisa u anzjani jidhħlu jew jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Huwa jagħlaq b’appell għal analiżi serja ta’ x’jista’ jagħmel pajjiżna biex iżid ir-rata tat-twelid hekk kif aktar nisa jaħdmu se twassal għal rata inqas ta’ twelid u għalhekk pjan serju biss jista’ jgħin biex aktar koppji Maltin jagħżlu li jżidu din ir-rata.

Ekonomija

Sport