Nimmaġina li l-Partit Nazzjonalista għadu għaddej bil-proċess ta’ evalwazzjoni taż-żewġ kandidati, Adrian Delia u Alex Borg, li tefgħu n-nomina tagħhom għall-kariga ta’ Kap ġdid tal-partit wara r-riżenja ta’ Bernard Grech. Proċess li ħafna qegħdin iqisuh bħala wieħed kożmetiku għax li ma kienx hekk kieku kienu jistennew ir-riżultat tiegħu u mhux joħorġu partita regoli dwar intervisti u x’naf jien. Imma apparti dan.
Sadattant iż-żewġ kontestanti kellhom diversi kontribuzzjonijiet, fosthom fil-gazzetti. Se nikkwota biss minn kontribuzzjonijiet li kellhom f’ħarġiet separati tal-gazzetta ‘maltatoday’, tal-Ħadd, 29 ta’ Ġunju li għadda fil-każ ta’ Adrian Delia u tal-Erbgħa, 2 ta’ Lulju, b’din tal-aħħar b’data żbaljata f’uħud mill-paġni, fil-każ ta’ Alex Borg.
Se nikkwota siltiet mill-kontribuzzjonijiet tagħhom u nagħmel ftit mistoqsijiet li jidhirli li huma pertinenti. Nemmen li tweġibiet għalihom jitfgħu dawl ġdid fuq iż-żewġ kontestanti.
Nibda mill-kontribuzzjoni ta’ Adrian Delia. Kiteb hekk:
“It-tluq ta’ Bernard Grech kien f’daqqa u mhux mistenni, imma nifhem bis-sħiħ il-pożizzjoni tiegħu. Peress li darba għaddejt mill-istess sitwazzjoni, allura t-terren nafu. Issa żidt l-esperjenza u l-maturità li ġġib magħha, biex nagħmel aħjar mid-darba ta’ qabel. Inħoss li mal-passaġġ taż-żmien evolvejt.”
Nistaqsi: It-terren li qed jirreferi għalih huwa dak ta’ konfoffi, ribelljoni minn Membri Parlamentari? Jekk hu hekk, x’kienu r-raġunijiet għall-konfoffi u r-ribelljoni? X’jagħmel aħjar mid-darba ta’ qabel? X’kien dak li dwaru jagħmel aħjar?
Delia kompla jgħid hekk: “Tabilħaqq, inħossni gratifikat mill-fatt li ħafna mill-kritiċi tiegħi ta’ qabel u avversarji jidher li għarfu dan. Ingħatajt appoġġ minn kwartieri mhux mistennija u ninsab grat immens. Kien hemm ftit li anke offrewli apoloġija. Imma meta sirt Kap fl-2017, jien ukoll għamilt l-iżbalji tiegħi.”
Nistaqsi: Min huma l-kritiċi u l-avversarji li għarfu li kienu żbaljaw? Min huma dawk li tawh appoġġ mhux mistenni? Min huma l-ftit li anke offrewlu apoloġija? Nafu żgur li kien hemm Ivan Bartolo, li stqarr dan hu stess.
Żied jgħidilna: “Ftit kelli esperjenza, ma kontx politiku. Naf li kultant kien hemm lil min weġġajt. Għandi nkun jien li nagħmel apoloġija u mhux bil-kontra.”
Nistaqsi: Lil min kien weġġa’? Għamlilhom apoloġija? Jekk iva għaliex mhux apoloġija pubblika? Jew hija apoloġija ta’ konvenjenza?
Stqarrija importanti ta’ Delia: “Raġuni oħra li għaliha ssottomettejt l-espressjoni ta’ interess (għal ħatra ta’ Kap) hija li l-partit ma jistax jibqa’ fil-pożizzjoni finanzjarja li jinsab fiha, pożizzjoni li ilha għal dawn l-aħħar għaxar snin. Hemm bżonn li nippubblikaw il-kontijiet tagħna, u magħhom pjan għal sostenibbiltà finanzjarja. Hemm bżonn nużaw ir-riżorsi tagħna aħjar kif Simon Busuttil u aktar tard Robert Arrigo kienu bdew jagħmlu bil-każini. Imma xejn minn dan ma jista’ jsir fl-astratt. Neħtieġu kuntratt soċjali ġdid li jagħti għarfien lill-perikli li tgħaqqad l-iffinanzjar ta’ partit man-negozji l-kbar.
Ejjew nagħmlu l-qabża u ngħidu ‘goodbye’ lil ftehimiet moħbijin li realtajiet finanzjarji ħorox jistgħu jimponu fuq partit politiku.”
Nistaqsi: Kulħadd jaf li l-Partit Nazzjonalista dejjem prova jċekken il-gravità tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u sa ċertu punt jaħbiha anke mit-tesserati tiegħu. X’inhi l-pożizzjoni ta’ Delia dwar l-iskuża ta’ Bernard Grech li kellu diffikultà fir-rigward ta’ awdituri? Jemminha jew le? Li jgħid li neħtieġu kuntratt soċjali ġdid li jagħti għarfien lill-perikli li tgħaqqad l-iffinanzjar ta’ partit man-negozji l-kbar ifisser li l-Partit Nazzjonalista għandu ftehimiet li għalihom Delia jappella “Ejjew nagħmlu l-qabża u ngħidu ‘goodbye’ lil ftehimiet moħbijin li realtajiet finanzjarji ħorox jistgħu jimponu fuq partit politiku.”?
Ngħaddi issa biex nitratta siltiet minn kontribuzzjoni li Alex Borg kellu fil-ħarġa tal-gazzetta ‘maltatoday’ ta’ nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Lulju, 2025. Il-paġna ġġib data żbaljata, affarijiet li NAF sew li jistgħu jiġru. Esperjenzajthom diversi drabi.
Borg kiteb hekk: “Ejjew inkunu onesti. Il-PN tilef is-sens tiegħu nnifsu. Konna wisq ffukati fuq kwistjonijiet interni, fuq li ngħixu mill-ġdid il-glorji tal-passat jew li nikkuraw feriti passati. Sirna reattivi, riġidi, u kultant, irrelevanti.
“Dak li darba kien moviment politiku li ta lil Malta l-istituzzjonijiet tagħha, l-identità Ewropea, id-direzzjoni tagħha minn wara l-indipendenza, sar partit mhux ċert kif jagħmel kuntatt ma’ nies li darba kien jispira. Dan mhux biex nitfa’ t-tort fuq individwi. Hija kwistjoni dwar għarfien ta’ bidla kollettiva.
“Tul s-snin, il-partit tagħna falla milli jirriforma lilu nnifsu strutturalment, finanzjarjament, u politikament. Iggranfajna ma’ slogans meta kellna bżonn sustanza. Ittitubajna meta kellna bżonn kuraġġ. U tkellimna ‘l ġewwa, meta kien imissna smajna minn barra.
“Dak li għandna bżonn mhux biss tmexxija ġdida, neħtieġu kultura politika ġdida. Sens ġdid ta’ skop. Tiġdid fil-fond li jmiss l-identità tagħna, l-istruttura tagħna, il-komunikazzjoni tagħna, il-kandidati tagħna, il-kredibilità tagħna. Din mhix kwistjoni biss li negħlbu lil-Labour. Hija kwistjoni li nsiru partit li l-poplu jafda fih biex jibni Malta aħjar. Biex nagħmlu dan irridu nkunu radikali fil-ħsieb, dixxiplinati strutturalment, u kuraġġjużi fil-viżjoni.
“Għandna bżonn nirriformaw lill-partit tagħna minn ġewwa għal barra. Neħtieġu naħsbu mill-ġdid il-Fehmiet Bażiċi tagħna. Neħtieġu li mmexxu l-organizzazzjoni tagħna b’mod effiċjenti, professjonali u trasparenti. Neħtieġu nħaddmu t-trasformazzjoni diġitali mhux biss bħala politika, imma bħala mentalità. U l-aktar importanti, neħtieġu li nisimgħu – verament nisimgħu lill-ġlidiet tan-nies, ħolm, frustrazzjonijiet u tamiet.”
Għal dikjarazzjonijiet u stqarrijiet bħal dawn il-mistoqsijiet huma komuni. Dan kollu x’ifisser jekk mhux li issa waqgħet il-maskra? Li dak li konna ilna nisimgħu għal dawn l-aħħar ħames snin kien biss duħħan? X’ifisser dan kollu jekk mhux kundanna għal dak li għamel u kien jistqarr Bernard Grech tul dawn l-aħħar ħames snin? X’kienet il-pożizzjoni ta’ Borg fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista? Il-pożizzjoni pubblika tiegħu dwar tali sitwazzjoni x’tista’ ssejħilha jekk mhux falza?