L-awtoritajiet tal-Gambja bdew investigazzjoni dwar il-mewt misterjuża ta’ għexieren ta’ tfal, u dan hekk kif qiegħed jikber it-tħassib dwar ċertu mediċina li qiegħda tiġi importata minn barra l-pajjiż.
Dawn l-investigazzjonijiet bdew wara mewt ta’ 66 tfal li l-maġġoranza tagħhom tilfu ħajjithom kawża ta’ problemi fil-kliewi. Fid-dawl ta’ dan il-President Adama Barrow wiegħed li se jkun qiegħed isir titjib fis-sistema tas-saħħa tal-pajjiż u se jittieħdu l-miżuri neċessarji biex ikun hemm kontroll fuq it-tip ta’ mediċina li tiġi impurtata.
Is-suspetti tal-awtoritajiet u anke tal-ġenituri qegħdin jaqgħu fuq mistura partikolari għal kontra s-sogħla li kienu qiegħdin jingħataw dawn it-tfal. Fid-dawl ta’ dan, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ħarġet allert fuq erba’ misturi magħmulin mill-Maiden Pharmaceuticals ġewwa l-Indja fejn minn testijiet li saru fuqhom irriżulta li għandhom livelli inaċċettabbli ta’ kontaminanti li jistgħu jkunu ta’ theddida għas-saħħa.