Mit-2 ta’ Mejju se jkunu qed jitneħħew kważi l-miżuri l-kollha ta’ mitigazzjoni.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li se jkun neċessarju li jibqgħu f’iżolament biss dawk il-persuni li jirriżultaw pożittivi għall-Covid u jibqgħu f’iżolament għal sebat’ijiem, fejn fis-seba’ ġurnata jagħmlu rapid test u jekk dan ikun negattiv jistgħu joħorġu. F’każ li jkun pożittiv, jibqgħu jagħmlu tlett ijiem oħra biex b’kollox jagħmlu għaxart’ijiem. Dan l-iżolament tal-każijiet pożittivi japplika kemm għal min hu vaċċinat kif ukoll min mhuwiex.
Mit-2 ta’ Mejju, il-kuntatti primarji kollha, kemm vaċċinati u mhumiex, mhux se jkollhom l-obbligu li jibqgħu kwarantina jekk ikollhom kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv. Dawk li jgħixu ma’ persuna pożittiva li tkun iżolata, waqt li huwa importanti li jibqgħu jħarsu saħħithom, mhux se jkunu obbligati li joqgħodu kwarantina pero rakkomandat li fit-tielet ġurnata jagħmlu test huma wkoll biex jipproteġu s-saħħa tagħhom u ta’ min jistgħu jkunu f’kuntatt magħhom.
Maskri
Dwar il-maskri, mhux se jibqgħu obbligatorji ħlief fi sptarijiet, kliniċi, djar tal-anzjani u titjiriet bl-ajruplan.
Vjaġġar
Fejn jidħol l-ivvjaġġar, se tibqa’ s-sistema ta’ żoni ħomor u pajjiżi ħomor skuri. Dan anke bi ftehim u b’konformità ma’ dak li jiġri fil-kumplament tal-pajjiżi tal-UE. Pero mit-2 ta’ Mejju, il-Passenger Locator Form magħrufa bħala l-PLF mhux ser tibqa’ neċessarja.
Tiġijiet
Dwar tiġijiet id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li mit-2 ta’ Mejju dawn jistgħu jsiru b’mod normali. L-istess għal attivitajiet kulturali, filwaqt li l-iskejjel tal-Ingliż jistgħu jilqgħu studenti.
Id-Deputat Prim Ministru qal li n-numri ta’ każijiet pożittivi li kellhom bżonn il-kura fl-ITU baqa’ numru stabbli u baqa’ numru baxx. Żied jgħid li anke meta n-numri fil-komunità kienu pjuttost għoljin, in-numri fl-ITU kienu baqgħu baxxi.
249 każ ġdid ta’ Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa
Fl-aħħar 24 siegħa ġew irreġistrati 249 każ ġdid, filwaqt li fl-Isptar Mater Dei hemm 88 pazjent pożittiv għall-Covid-19, bil-maġġoranza minnhom qegħdin hemm minħabba kundizzjonijiet oħra. Id-Deputat Prim Ministru qal li huma biss 39 pazjent li qegħdin fl-Isptar minħabba l-Covid. Min-naħa l-oħra hemm żewġ persuni fl-ITU minħabba l-Covid.
Qal li matul dawn l-aħħar ġimgħat in-numru ta’ każijiet serji bil-Covid li kellhom bżonn kura tal-ITU ma kienx qed ikun riflessjoni ta’ dak li konna qed naraw fil-komunità. Żied jgħid li dan ifisser li t-tilqim huwa effettiv biex inaqqas mill-konsegwenzi serji tal-Covid. Qal li l-fatt li llum għandna żewġ każijiet fl-ITU jikkonferma dan.
Qal li f’Malta għandha rata eċċellenti ta’ tilqim fejn madwar 97% tal-popolazzjoni ħadu l-ewwel doża u t-tieni doża, b’aktar minn 80% li ħadu l-booster u bħalissa għaddejjin bit-tieni booster għal dawk li għandhom problema medika bl-immunità u dawk ir-residenzi fid-djar tal-anzjani jew li għandhom ‘il fuq minn 80 sena u jgħixu fil-komunità. Dwar dawn tal-aħħar qal li l-programm għaddej sew u diġà taw madwar 7,000 tilqim lil din is-sezzjoni tal-popolazzjoni. Qal li t-tir tagħhom huwa li sat-2 ta’ Mejju jkunu offrew it-tieni doża tal-booster lill-anzjani kollha ta’ 80 sena u aktar.