Monday, July 21, 2025

MITFUGĦ AĊIDU FI TRIQ TA’ SKOLA … PERIKLU GĦAL TFAL U ANNIMALI

Residenta fil-Qawra tgħid li tefgħet l-aċidu biex “iżżomm klieb ‘il bogħod”… Jirrispondu l-Kunsill u veterinarju

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Investigazzjoni ta’ dan il-ġurnal żvelat każ fejn residenta fil-Qawra ammettiet li tefgħet aċidu fi Triq Port Ruman fil-Qawra. Din hija l-istess triq li jgħaddu mijiet ta’ studenti tal-Primarja tal-Kulleġġ Marija Reġina tal-Qawra li l-etajiet tagħhom jibdew minn tliet snin u jitilgħu sa 10 snin. Meta seħħ dan il-każ is-sena skolastika kienet fl-aħħar jiem u preżentament din l-Iskola toffri s-servizz ta’ Skola Sajf u Klabb 3-16. Dan l-aċidu, li l-persuna stess iddikjarat li tefgħetu “apposta” biex ma jagħmlux il-klieb “fit-triq tagħha”, kien għaddej b’reazzjoni kimika qawwija viżibbli meta ħadna r-ritratti li qegħdin nippubblikaw.

L-aċidu, kimika li fuq il-flixkun stess hemm avviż ta’ saħħa u biex ma jkunx f’idejn it-tfal, jintuża ġeneralment biex iqaxxar ħmieġ persistenti. Għaldaqstant, dan it-tip ta’ użu fit-toroq jista’ jkun ta’ periklu u dan il-periklu mhuwiex biss att ta’ moħqrija li jistgħu jwasal għal ħsara fiżika serja lill-klieb li trid iżżomm ‘il bogħod, imma wkoll għal dawk it-tfal li jkunu fi triqthom lejn l-Iskola. 

Dawn it-tfal, akkumpanjati minn ġenituri u oħrajn waħidhom, allaħares qatt b’mod volontarju, b’kurżità jew f’inċident, imissu ma’ dan l-aċidu jistgħu jweġġu. Il-periklu huwa wkoll li jmorru l-iskola b’sustanza perikoluża mal-qiegħ taż-żarbun tagħhom jew ma’ jdejhom b’riskju għalihom, għal sħabhom u anke l-edukaturi. 

Mhux l-ewwel darba…

Din l-att irresponsabbli u perikoluża minn residenta fil-Qawra jingħad li ma sarx l-ewwel. Residenti oħra fl-inħawi kkonfermaw ma’ L-ORIZZONT li l-istess persuna “b’mod regolari” titfa’ din il-kimika. Għal din ir-raġuni dan il-ġurnal bagħat mistoqsijiet kemm lill-Kunsill Lokali tal-Qawra u lid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimal. Sakemm ġejna għall-pubblikazzjoni kellna risposta mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. 

Lis-Sindku ta’ dan il-Kunsill, Ċensu Galea, staqsejnih jekk huwiex premess mil-liġi li persuna titfa’ aċidu fit-triq, x’jagħmlu bħala Kunsill f’każijiet bħal dawn u jekk waslulhomx rapporti simili fil-Kunsill.

Min-naħa tiegħu Galea beda biex spjega li dam ftit biex weġibna għax ried jassigura li ma kienx hemm rapporti fil-Kunsill fejn żied li, “minn dak li ġie vverifikat mill-istaff, ma jidhirx li kien hawn rapporti ta’ tfigħ ta’ aċidu fuq il-bankina, la fit-triq indikata u lanqas f’xi triq oħra. Biex inkun onest, ma nafx jekk hemmx xi ħaġa fil-liġi li tispeċifika li ma jistax jintefa’ aċidu f’postijiet bħal dawk indikati minnkom. Fl-istess ħin, wieħed diffiċli jimmaġina li jkun hemm klawsoli legali speċifiċi bħal dawn”. 

Dan l-episodju juri vojt jew nuqqas ta’ għarien legali fejn tidħol il-protezzjoni kontra sustanzi perikolużi f’żoni residenzjali u edukattivi. Nuqqas ta’ linji gwida ċari dwar l-użu ta’ kimiċi bħal dawn f’toroq pubbliċi, iħalli spazju għal abbuż bħal dan.

“S’issa l-Kunsill ma għamel xejn għax ma kellux każi”

Peress li l-Kunsill skont ma qal Galea, “qatt ma jidher li rċieva rapporti simili, li nista’ ngħid huwa li s’issa l-Kunsill ma għamel xejn, għax ma kellux każi. Fl-istess ħin, jekk jinqala’ xi każ, nassumi li l-Kunsill ikollu jirreferi l-każ lill-avukat tal-Kunsill u minn hemm jara x’passi oħra jistgħu jittieħdu. Peress li qatt ma naf li nqala’ każ simili, mhuwiex faċli li nispjega x’jista’ jsir”. 

Is-Sindku Ċensu Galea temm jgħid li f’każ li l-aċidu msemmi huwa perikoluż ħafna, ikun għaqli li jsiru rapporti kemm mal-Pulizija kif ukoll mad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali.

Tajjeb li niċċaraw li lis-Sindku għidnilu li għandna ritratti tal-aċidu mitfugħ fit-triq iżda la qatt talabna r-ritratti u lanqas talab dettalji oħra biex  jinvestiga l-każ.

Diżpożizzjoni llegali ta’ skart perikoluż

Hawn nirreferu għal-liġijiet Maltin dwar il-ġestjoni tal-iskart kif stipulat fis-Sussidjarja Legali S.L. 549.63 (Waste Regulations). Sustanzi kimiċi bħal aċidu huma meqjusa bħala skart perikoluż meta jintefgħu jew jintużaw barra minn dak li huwa awtorizzat. Dan it-tip ta’ skart għandu jkun ittrattat b’mod strett b’tikkettar korrett, ipproċessar f’faċilitajiet approvati u trasport skont rekwiżiti regolatorji. 

F’dan il-każ, it-tixrid volontarju ta’ dawn il-kimiċi f’toroq pubbliċi speċjalment f’żoni ta’ skola, jista’ jiġi klassifikat bħala dispożizzjoni illegali ta’ skart perikoluż, li min jagħmlu jista’ jiffaċċja azzjoni legali. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tirregola dawn il-prattiki biex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika, l-annimali u l-ambjent u f’każijiet bħal dan, għandu jkun hemm investigazzjoni immedjata u infurzar fejn meħtieġ.

“Riskju anke għall-qtates tat-toroq…”

Dan il-ġurnal tkellem ma’ veterinarju bi snin ta’ esperjenza fil-qasam fejn ikkonferma li aċidu mitfugħ f’ċertu kwantità fit-toroq jista’ jikkawża ħsara fit-tessut tal-ġilda tal-klieb li kienu mexjin fiż-żona u jirfsuh. Iżda mhux biss. Huwa ġibed l-attenzjoni li jekk fuq il-post fejn intefa’ l-imsemmi aċidu jkun hemm l-ilma, dawn jistgħu jitħaltu b’periklu anke għall-qtates li jgħixu fit-triq jekk jixorbuh. 

Dan il-veterinarju, li lilu ġie spjegat dan il-każ, qalilna li, “affarijiet bħal dawn m’għandhomx. Għandna nieħdu ħsieb u nirrispettaw l-annimali. Sfortunatament hemm annimali jiġru barra u hemm tagħna stess”.

Riskju mhux ġustifikabbli fuq tfal żgħar u annimali

Dan il-każ ma jistax jibqa’ jiġi trattat bħala “ġrajja oħra.” It-tixrid ta’ sustanzi korrużivi f’toroq pubbliċi, anke jekk b’mod ‘sempliċi’ biex jitkeċċew klieb, huwa att irresponsabbli u potenzjalment kriminali li għandhom jiġu ikkundannati bis-sħiħ u investigati minnufih. 

Quddiem sitwazzjoni bħal din, hemm bżonn ta’ linji gwida legali ċari, aktar monitoraġġ mill-Kunsilli Lokali u azzjoni immedjata . Dan bil-għan li ma jkunx hemm periklu ta’ konsegwenzi serji fuq tfal u annimali innoċenti. Il-pubbliku għandu wkoll jagħmel rapport immedjat jekk jara xi tfiegħ ta’ sustanzi bħal dawn.

Il-fatt li dan seħħ fi triq li tagħti għal skola jżid ir-riskju b’mod inġustifikabbli fuq tfal żgħar, ġenituri u annimali. L-ERA, il-Pulizija u d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali għandhom jinvestigaw dan il-każ u jieħdu azzjoni legali bla dewmien. Huwa inaċċettabbli li f’soċjetà moderna u ġusta, wieħed iħossu fil-libertà li jitfa’ kimiċi f’ambjent fejn hemm vulnerabbli li lanqas biss jistgħu jiddefendu ruħhom. 

Il-liġi trid tkun ċara u infurzata. Jekk m’hemmx dispożizzjonijiet legali speċifiċi, wasal iż-żmien li jiġu mfassla. Is-sigurtà ta’ wliedna u l-ħarsien ta’ kull ħlejqa ħajja jitlob dan. Mhux għada, issa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport