Fuq medda ta’ art akbar minn grawnd tal-football, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika qed jiżviluppa park ġdid għall-familji. Mitħna Park li jinsab bejn l-Imqabba u l-Qrendi se jibdel żona li kienet barriera fi ġnien għall-familja.
Dan il-proġett fi Triq l-Imqabba qed jitwettaq minn Project Green b’konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali tal-Imqabba u l-Qrendi, b’investiment ta’ €2 miljun bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), fuq art ta’ madwar 7,400 metru kwadru fiż-żona magħrufa bħala Tal-Mitħna.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt żjara fuq il-post fejn bħalissa qed isiru x-xogħlijiet. Id-disinn tal-park huwa mibni fuq il-kunċett li l-viżitaturi, fosthom it-tfal, iħossuhom eqreb tan-natura permezz ta’ ‘bug and bee hotel’ u żoni naturali għal-logħob.
Iċ-Chief Operations Officer ta’ Project Green, il-Perit Beverley Costa, spjegat kif b’installazzjoni ta’ tined b’soqfa ekoloġiċi (green roof canopies), l-ilma tax-xita se jkun qed jinġabar biex jerġa’ jintuża għat-tisqija tal-park. Il-park se jkollu ġibjun, amfiteatru u mejda għal-logħba tal-ping pong. Se jitħawlu ’l fuq minn 100 siġra u mal-500 arbuxell.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Għal snin sħaħ, ir-residenti ta’ dawn l-inħawi jafu lil din iż-żona bħala ‘dik tal-barrieri’. Permezz ta’ dan il-proġett, se nkunu qed nintroduċu spazju mill-isbaħ biex jitgawda mir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet, spazju li jinsab ftit minuti mixi ’l bogħod għal mijiet ta’ familji.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar kif dan il-proġett juri b’mod ċar kif il-fondi Ewropej qed jitqassmu b’mod effiċjenti għal aktar spazji ħodor fil-komunitajiet tagħna. Huwa spjega li permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Gvern qed jinvesti f’diversi siti madwar Malta biex isaħħaħ l-ambjent naturali u jtejjeb l-aċċess għan-nies għal spazji ħodor ta’ kwalità. “Meta nitkellmu dwar fondi Ewropej, qed nitkellmu dwar opportunitajiet konkreti li jbiddlu l-ispazji tagħna f’żoni aktar sostenibbli u aċċessibbli. Il-finanzjament Ewropew ma jfissirx biss proġetti fuq il-karta, imma jġib benefiċċji reali u viżibbli għall-familji u l-komunitajiet tagħna,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Andrea Saliba, il-Project Manager fuq dan il-proġett qalet, “Bħala Project Green nemmnu u nifhmu l-kontribuzzjoni li jagħti l-ambjent u kemm in-natura sservi ta’ serħan għal kulħadd. Wieħed mill-għanijiet tagħna bħala Aġenzija huwa li nipprovdu spazji miftuħa u siguri fejn il-pubbliku jista’ jmur u jqatta’ ħin għal kwiet jew ta’ rilassament.”

