Permezz ta’ protest ġudizzjarju ppreżentata quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ta’ Malta mill-avukata u attivista favur id-drittijiet tan-nisa, Lara Dimitrijevic, grupp ta’ nisa u persuni ta’ etajiet varji sostnew li jħossuhom aggravati bil-fatt li l-abort f’Malta mhux biss għadu pprojbit, iżda anke huwa kriminilizzat. F’dan il-protest intalab biex b’effett immedjat ikun dikriminalizzat u legalizzat l-abort f’Malta u avżaw li minn issa qegħdin iżommu lill-awtoritajiet protestati responsabbli għad-danni diġà sofferti, kif ukoll dawk l-oħra li jistgħu jsofru għall-finijiet u l-effetti kollha tal-liġi.
Il-grupp li ppreżenta dan il-protest saħaq li l-projbizzjoni tal-abort f’Malta qiegħed ikollu impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja tal-protestati minħabba li ma jistgħux jieħdu deċiżjonijet fuq is-saħħithom, il-familja tagħhom, kif ukoll il-futur u l-benesseri ta’ ħajjithom. Fil-protest jingħad li din il-projbizzjoni qiegħda twaqqafhom milli jkollhom aċċess għal kura meħtieġa f’każ li jagħżlu jew ikollhom bżonn jagħmlu abort.
Jingħad li, “aċċess għas-saħħa tal-abort jista’ jsir b’mod sikur għal dawk li għandhom il-mezzi finanzjajri biex jaċċedu tali saħħa barra minn xtutna f’pajjiżi fejn huwa legalizzat, filwaqt dawk li m’għandhomx il-mezzi jistgħu jitterminaw it-tqala tagħhom b’mod illegali billi jixtru l-pilloli online b’biżgħa kontinwa li jistgħu jiffaċċjaw proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom”.
“DIN IL-PROJBIZZJONI HIJA WKOLL DISKRIMINATORJA ABBAŻI TAS-SESS U L-ĠENERU, U QIEGĦDA TITTRATTA NISA U PERSUNI LI JISTGĦU JOĦORĠU TQAL B’MOD INUGWALI U DISPROPORZJONAT GĦALL-AĦĦAR F’GĦAJNEJN IL-LIĠI LI TĦADDAN KOSTITUZZJONALMENT IL-PRINĊIPJI TAL-UGWALJANZA”
Dimitrijevic qalet li tali projbizzjoni u kriminilizazzjoni qiegħda tesponi lill-protestanti għal trattament inuman u degredanti b’tali mod li għal dawk li fosthom kellhom jitterminaw it-tqala hemm min sofra impatt fuq is-saħħa mentali tiegħu, kif ukoll biżgħa u umiljazzjoni fost affarijiet oħra. Min-naħa l-oħra dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jġorru tqala, qegħdin jgħixu bil-biżgħa li se jkollhom jiġu sfurzati jġorru tali tqala jew li jkollhom jaċċedu għal abort klandestin.
Il-protest jgħid li din il-probizzjoni hija wkoll diskriminatorja abbażi tas-sess u l-ġeneru u li qiegħda tittratta nisa u persuni li jistħu joħorgu tqal b’mod inugwali u disproporzjonat għall-aħħar f’għajnejn il-liġi li tħaddan kostituzzjonalment il-prinċipji tal-ugwaljanza. Barra minnhekk, tali projbizzjoni u kriminilizazzjoni “hija illeġittima minħabba li din hija ksur tad-drittijiet fundamentali tal-protestanti, fir-rispett sħiħ tal-personalità fiżika u ġuridika tagħhom u twassal għal diskriminazzjoni kontra kull mara u persuna li tgħix jew qiegħda f’Malta meta wieħed iqis li din is-saħħa medika tal-abort hija disponibbli f’kull stat membru tal-Unjoni Ewropea”.
Fil-protest, Dimitrijevic irribattiet li dan in-nuqqas ta’ protezzjoni u aċċess għas-saħħa medika huwa inaċċettabbli u jammonta saħansitra għal leżoni lampanti tad-drittijiet fundamentali tal-mara. Hija elenkat il-European Charter of Human Rights, Universal Declaration of Human Rights, Civil and Political Rights Covenant, Disability Rights Convention, Economic, Social and Cultural Rights Covenant, Convention of Elimination of Discrimination Against Women, ICPD Programme of Action, Beijing Platform for Action, kif ukoll id-drittijiet tal-ħajja privata tagħhom, diskriminazzjoni u li qegħdin jiġu esposti għal trattament inuman u degredanti ai termini tal-Artikolu 3, 8 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet Umani “li hija parti integrali mill-ligi ta’ Malta”.