Friday, November 15, 2024

Mitt jum mill-irvell tal-poplu Iranjan

Aqra wkoll

Mitt jum wara li bdew l-itwal protesti kontra l-gvern fl-Iran mir-rivoluzzjoni Iżlamika tal-1979 lil hawn, dawn id-dimostrazzjonijiet u l-protesti ħawdu mhux ftit lir-reġim. Għal dawn il-protesti iżda l-poplu qed iħallas prezz qares. Skont l-Aġenzija tal-Aħbarijiet tal-Attivisti tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRANA) huwa smat li sal-lum aktar minn 500 dimostrant, inklużi 69 tifel u tifla inqatlu. Żewġ dimostranti ingħataw il-forka u mill-inqas 26 oħra qed jiffaċċjaw l-istess destin, wara dawk li l-Amnesty International sejħitilhom “proċessi farsa”.

Għalkemm id-dimostrazzjonijiet fil-pajjiż kollu ħakmu l-Iran qabel ukoll – darba fl-2017 li damu sa kmieni fl-2018, u darb’oħra f’Novembru 2019 – il-protesti attwali huma uniċi, peress li jinvolvu nies mis-soċjetà kollha inklużi n-nisa li qed jieħdu rwol ewlieni taħt l-islogan “Mara, Ħajja, Libertà”.

Persunaġġi famużi Iranjani li ħarġu fil-beraħ biex jappoġġjaw il-protesti ġew arrestati u saħansitra eżiljati.

Taraneh Alidoosti, attriċi Iranjana magħrufa, qed tinżamm fil-ħabs magħruf ta’ Evin wara li kkundannat l-eżekuzzjoni ta’ dimostrant żagħżugħ. Preċedentement, hija ppubblikat ritratt tagħha mingħajr xalpa obbligatorja żżomm kartellun bl-islogan tad-dimostranti.

Asghar Farhadi, direttur tal-films li ħadem ma’ Taraneh fuq erba’ films kiteb fuq il-midja soċjali li l-attriċi issa tinsab il-ħabs għall-appoġġ ġust tagħha lil sħabha u l-oppożizzjoni tagħha għas-sentenzi inġusti li qed jinħarġu. Asghar Farhadi kien idderieġa lil Alidoosti fil-film tiegħu rebbieħ tal-Oscar The Salesman.

Jekk li turi appoġġ bħal dan huwa reat, allura għexieren ta’ miljuni ta’ nies fl-Iran huma kriminali, żied jgħid is-Sur Farhadi.

Ali Karimi, eks plejer tal-futbol fost l-aktar ċelebri tal-Iran, li kien qed jgħix Dubai, appoġġja wkoll il-protesti. Qal li aġenti sigrieti Iranjani heddewh li joqtluh, u eventwalment jitlaq lejn l-Istati Uniti.

Karimi issa huwa wieħed mill-aktar kritiċi ċari tar-reġim Iranjan fuq l-Instagram tiegħu, b’aktar minn 14-il miljun segwaċi.

Ikona oħra tal-futbol Iranjan, Ali Daei, kellu l-ħanut tal-ġojjellerija u r-restorant tiegħu magħluqa mill-ġudikatura Iranjana wara li ħareġ b’appoġġ għal strajk fuq livell nazzjonali.

Dak li jimmarka wkoll il-protesti attwali minn dawk preċedenti huwa l-użu emerġenti tat-tfigħ tal-cocktails Molotov mid-dimostranti.

Dawn intużaw kontra bażijiet tal-milizja Basij u Hawza, jew skejjel reliġjużi għal kleriċi Musulmani Shia.

Il-Ġenerazzjoni Z tal-Iran kienet minn ta’ quddiem f’dawn il-protesti, u sfidat regoli reliġjużi stretti u stabbiliet xejriet ġodda bħall-ħruq ta’ xalpi tar-ras.
Xejra ġdida oħra fost id-dimostranti żgħażagħ hija l-hekk imsejjaħ “It-turban tossing” – li jqumu minn wara l-kjeriċi Musulmani Shia u jwaqqgħulhom it-turban tagħhom u jaħarbu.

Ekonomija

Sport