Friday, June 6, 2025

Mixja biex titfakkar in-Nakba Palestinjana

Aqra wkoll

Bħal-lum il-Palestinjani madwar id-dinja jfakkru n-Nakba (“katastrofi”) – it-tkeċċija u t-tindif etniku tal-Palestinjani fl-1948. Wara 77 sena l-katastrofi għadha għaddejja. Diversi organizzazzjonijiet qegħdin jistednu lill-pubbliku biex jingħaqad magħhom f’mixja fil-Gżira. Waqt il-mixja se jkun imfakkar is-77 anniversarju tan-Nakba, b’kundanna għall-ġenoċidju li għaddej f’Gaza u b’solidarjetà għal Palestina ħielsa. Il-mixja se ssir illum u se tibda fis-6.00 pm mill-Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa u tispiċċa fi Pjazza Sant’Anna.

Din il-mixja hija organizzata mill-Ambaxxata Palestinjana f’Malta, Ġustizzja għall-Palestina, Moviment Graffitti, The Lebanese Advocates, The Watermelon Warriors u Youth for Palestine, bl-appoġġ ta’ aditus, ADPD, Blue Door English, Dance Beyond Borders, General Workers Union (GWU), Humanists Malta, Il-Progressivi, Inizjamed, Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), PEN Malta, Solidarjeta’u Żminijietna.

Limbu barra minn art twelidhom

Fil-15 ta’ Mejju tal-1948 ġie mwaqqaf l-Istat Iżraeljan wara r-riżolużżjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda favur pjan diviżorju, bl-appoġġ dirett tal-Gran Brittanja u l-qawwiet tal-Punent. Din kienet akkumpanjata minn sensiela ta’ attakki militari premeditati miż-Żionisti bejn l-1947 u l-1949.

Mill-inqas 750,000 Palestinjan minn popolazzjoni ta’ 1.9 miljun tkeċċew minn arthom u saru refuġjati. Il-forzi Żionistii ħatfu aktar minn 78 fil-mija tal-Palestina storika, qerdu madwar 530 raħal u belt u qatlu madwar 15,000 Palestinjan f’sensiela ta’ atroċitajiet tal-massa, fosthom aktar minn 70 massakru.

Għalkemm ir-riżoluzzjoni 194 tan-Nazzjonijiet Magħquda sejħet għad-dritt tar-ritorn għar-refuġjati Palestinjani, dawn qatt ma tħallew imorru lura. Għalhekk baqgħu maqbuda f’limbu barra minn art twelidhom u mingħjar ma jappartjenu għall-ebda stat, għal 77 sena sħaħ, filwaqt li baqgħu iżommu l-imfietaħ tad-djar misruqa tagħhom.

In-Nakba baqgħet għaddejja minn dakinhar ‘il hawn permezz tal-annessjoni ta’ meded t’artijiet Palestinjani mill-Iżrael, l-okkupazzjoni militari, l-espansjoni ta’ insedjamenti illegali Iżraeljani, priġunerija tal-massa tal-Palestinjani, politiki ta’ apartheid u mblokki illegali Iżraeljani fuq Gaża għal għexieren ta’ snin.

Eluf ta’ Palestinjani miżmuma f’ħabsijiet 

… fosthom 400 tfal

Illum qegħdin naraw lill-Iżrael iwettaq ġenoċidju f’Gaża, bi stampi tal-biża’ mxandra live ta’ tfal Palestinjani maħruqin ħajjin fit-tined tagħhom. 69% tat-territorju ta’ Gaża issa jinsab taħt evakwazzjoni Iżraeljana u mniżżel bħala żoni mhux aċċessibbli. 

Mit-2 ta’ Marzu ‘l hawn, imblokk totali fuq kull għajnuna umanitarja ġie impost mill-Iżrael. Fl-aħħar sena u nofs, aktar minn 17,000 tifel u tifla nqatlu u eluf oħra ndarbu, filwaqt li aktar minn 420,000 persuna kellhom jaħarbu minn djarhom bosta drabi. Barra minnhekk, il-forzi militari Iżraeljani qegħdin jaħtfu b’mod illegali aktar u aktar Palestinjani u jżommuhom f’kundizzjonijiet ħorox u fit-tortura. Bħalissa 9,900  Palestinjan qegħdin jinżammu fil-ħabsijiet Iżraeljani. Mill-inqas, 400 minnhom huma tfal.

Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ICJ) qiegħda tinvestiga l-ġenoċidju mill-Iżrael u qiegħda titlob lill-pajjiżi firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra biex jieħdu azzjoni ħalli jevitaw iktar eskalazzjoni. Il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) qiegħda takkuża lil Benjamin Netanyahu u lil Yoav Gallant b’delitti tal-gwerra u kontra l-umanità, u qiegħda titlobna biex ma nagħtu l-ebda appoġġ jew kenn lil dawn il-kriminali.

Talba biex Malta tagħraf l-Istat tal-Palestina

F’dan il-kuntest, il-mixja li tfakkar in-Nakba se ssejjaħ biex Malta tagħraf l-Istat tal-Palestina, timponi embargo fuq armi lill-Iżrael, tissanzjona bastimenti, ajruplani, u individwi involuti fil-kummerċ tal-armi li qiegħed jappoġġja l-ġenoċidju, inkluż it-tneħħija tal-bandiera Maltija minn dawn il-bastimenti u tissospendi kull kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet u kumpaniji kompliċi fl-okkupazzjoni u l-ġenoċidju li għaddej. 

Din il-mixja b’solidarjetà għall-poplu Palestinjan, issejjaħ ukoll lill-Membri tal-Parlament Ewropew, istituzzjonijiet u kumpaniji Ewropej biex jissospendu l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael sakemm l-Iżrael jimxi mad-deċiżjoni tal-ICJ u jissospendu lil Iżrael minn sport Ewropew u mill-konkors tal-Eurovision.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport