Monday, December 23, 2024

MIXJA LEJN DESTINAZZJONI SABIĦA

Aqra wkoll

Li kieku kellna nqabblu l-kampanja elettorali ma’ mixja, kieku dawk li mexjin għal għonq it-triq f’dan l-istadju x’aktarx li jkunu jafu fejn se jaslu. Għal uħud il-mixja forsi kienet iebsa wisq, għal oħrajn xi ftit diffiċli u għal uħud kienet fil-veru sens tal-kelma passiġġata. Fil-kampanja elettorali l-istess. 

Din il-ġimgħa l-Prim Ministru tenna l-appell tiegħu lil dawk li għadhom inċerti biex jagħrblu sew dak li qegħdin jippreżentaw iż-żewġ partiti l-kbar. Dawn nistgħu nqabbluhom ma dawk li qegħdin isibuha iebsa wisq biex jiddeċiedu. Għandek oħrajn li għal xi raġuni għadhom imweġġgħin minħabba xi inġustizzji li aktarx li għal xi raġuni baqgħu ma ġewx indirizzati irrelevanti min kien qiegħed imexxi dak iż-żmien. Iżda mbagħad insibu dawk li diġà jafu fejn qegħdin u konvinti li fis-26 ta’ Marzu se jkunu qegħdin iwasslu l-messaġġ tagħhom.

Is-sondaġġi fil-gazzetta It-Torċa f’dawn l-aħħar ġimgħat ta’ kampanja urew li dawn is-sitwazzjonijiet għadhom evidenti kollha kemm huma, inkluż dawk li għadhom qegħdin jgħidu li mhumiex se jivvutaw. Iżda fost ir-riżultati ppubblikati f’dawn is-sondaġġi, kellek konsistenza ta’ maġġoranza Laburista kif ukoll fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela.

Iżda ovjament din il-fiduċja ma tiġix mill-ajru. Fl-aħħar xhur il-Kap tal-Oppożizzjoni lmenta li l-Prim Ministru Robert Abela kien qiegħed jibqa’ jirrifjuta l-istedina għal dibattitu politiku miegħu. F’din il-kampanja, iż-żewġ mexxejja attendew għal numru ta’ dibattiti li fihom il-Prim Ministru kien ċar, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni ntlemaħ kemm-il darba jinqabad fuq sieq waħda u jdawwar ħarstu fuq il-manifest bħal donnu mhuwiex konxju dwar dak li qiegħed jippreżenta lill-poplu. Min-naħa tiegħu kontinwament sejjaħ il-proposti tal-Partit Laburista bħala kkupjati u li hu kien l-uniku wieħed b’viżjoni ċara għal pajjiżna. Rigward din il-viżjoni, Grech kellu jipprova jgħatti xturu wara li ammetta li kienu saru xi emendi fil-manifest wara li ġie ppubblikat għax bħala Partit Nazzjonalista xtaqu joħorġuh kemm jista’ jkun malajr biex jiddiskutuh mal-pubbliku.

Min-naħa l-oħra kellna Prim Ministru li kien kalm quddiem dawn l-insinwazzjonijiet, kompla jisma’ lin-nies. Jiġuna f’moħħna dawk li jixtiequ jkollhom l-opportunità li jsiru ġenituri, iżda minħabba diversi raġunijiet kienu se jibqgħu mċaħħdin minn din ix-xewqa. Li kieku l-Partit Laburista ppreżenta l-manifest elettorali tiegħu fl-ewwel jiem, kieku dawn in-nies kienu jaqtgħu qalbhom biex iressqu l-weġgħat tagħhom, iżda għax gvern Laburista ħadem b’dan il-mod, huma ngħataw is-serħan il-moħħ li b’mandat lill-Partit Laburista fis-26 ta’ Marzu, se jkunu qegħdin isiru l-emendi neċessarji fl-ewwel 100 jum.

Raġuni oħra tista’ tkun l-impenn li gvern Laburista jibqa’ jsostni l-irkupru. Il-Prim Ministru kien ċar dwar dan. Estenda l-Covid Wage Supplement li permezz tiegħu ġew salvati mal-100,000 impjieg fl-aħħar xhur. Mhux biss. Ma eskludiex li dan jiġi mġedded jekk kemm-il darba jkun hemm bżonn li dan jerġa’ jseħħ biex in-negozji ma jogħtrux.

Minbarra dawn hemm iċ-ċekkijiet li fl-aħħar jiem bdew jaslu għand in-nies. Ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa u ieħor ta’ stimolu li huma maħsubin li jgħinu l-aktar lil min jaqla l-inqas. Huwa minnu li dawn iċ-ċekkijiet inzertaw ġew ftit jiem qabel il-votazzjoni, iżda nemmnu li bħalma ngħataw fl-aħħar snin, b’żidiet minn ċekk għall-ieħor, l-istess se tkun qiegħda tinżamm il-kelma biex din l-għotja tiżdied fil-leġiżlatura li ġejja.

Dawn huma biss ftit mill-ħafna għajnuniet ta’ gvern Laburista. Minn naħa l-oħra għandna Oppożizzjoni li qiegħda tikkonferma li dawn iċ-ċekkijiet twaqqafhom u minflok tippreżenta proposti maħsubin biex jgħinu nies li diġà ilhom jiġu megħjuna minn Gvern Laburista għal diversi snin.

Nemmnu li din il-mixja iebsa tista’ tiħfief għal dawk li jaqbdu l-wita fid-direzzjoni lejn destinazzjoni sabiħa. Nemmnu li din id-destinazzjoni għandha tkun fiduċja fi Gvern Laburista li qiegħed jagħmel kundizzjoni waħda biss, dik li biex iwettaq l-elf proposta ppreżentati jeħtieġ li l-poplu jivvutalu u jagħtih il-mandat fis-26 ta’ Marzu.

Ekonomija

Sport