Friday, February 13, 2026

Mixli b’attentat ta’ qtil wara ġlieda fil-Gżira

Aqra wkoll

Ġlieda fil-Gżira l-Ħadd filgħaxija wasslet biex Denzil Farrugia ta’ 20 sena mill-Marsa jitressaq fil-Qorti u jiġi mixli b’attentat ta’ qtil.

Farrugia kien mixli wkoll li darab ħafif lill-vittma, li insulentah u heddu, li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u li kiser il-paċi pubblika fost oħrajn. 

Huwa ġie mixli li saq vettura b’manjiera traskurata u perikoluża u mingħajr ma kellu liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ libertà kkundizzjonata. 

Farrugia wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża tikkontesta l-validità tal-arrest minħabba li argumentat li l-imputat kien interrogat fuq suspett li kkaġuna ġrieħi gravi mhux attentat ta’ qtil. 

Madanakollu, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, iddikjarat l-arrest bħala wieħed validu. Sussegwentement id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri, is-serjetà tal-akkużi, il-fedina penali tal-imputat u l-fatt li għad fadal xhieda pajżana li għad iridu jixhdu. 

“Jekk wieħed iħares lejn il-filmati, wieħed jista’ jara l-akkużat iħares lejn il-gallariji u allegatament jinsulenta lin-nies li kienu qed jieħdu filmati tal-ġlieda,” qalet l-Avukat Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Charlon Borg flimkien mal-Avukati Clive Aquilina u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Charles Mercieca qed jidher għall-imputat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport