Raġel ta’ 43 sena residenti l-Imsida ġie akkużat b’fastidju fuq l-eks sieħba tiegħu. Hu kien dam f’din ir-relazzjoni għal 4 snin.
Quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt, il-Prosekuzzjoni qalet li t-tfajla kienet waqqfet ir-relazzjoni f’Awwissu tas-sena li għaddiet, iżda l-akkużat baqa’ ma riedx jaċċetta dan il-fatt. Fil-fatt hu baqa’ jibgħatilha għal sitt xhur sħaħ. Hu baqa’ jibgħatilha anke meta t-tfajla blokjatu, u kien hawn li beda jibgħat l-emails.
Minkejja li kien ġie mwissi mill-Pulizija kemm-il darba biex ma jibqax idejjaq lill-eks tfajla tiegħu, l-akkużat ma tax każ tant li baqa’ jibgħat għax skont hu kien qal li mhu qed jagħmel xejn ħażin.
L-aħħar messaġġ li bagħtilha b’email kien hemm ritratt tagħhom meta kienu flimkien u stampa ta’ wiċċ imdejjaq.
L-imputat, quddiem dawn l-akkużi wieġeb mhux ħati bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest.
Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li qalet li l-azzjonijiet tal-imputat juru li mhux lest li joqgħod għall-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni qalet li sa ġurnata qabel ma tressaq il-Qorti hu kien għadu ma rrealizzax il-gravità tal-akkużi u beda jieħu kollox biċ-ċajt.
Hu kien qal lill-Pulizija li jekk jitressaq il-Qorti anke l-Maġistrat se tkun qiegħda tidħak bl-akkużi. Oġġezzjonat ukoll minħabba li l-allegat vittma għad trid tixhed.
Il-Maġistrat Gatt qal li għadu fi stadju bikri biex l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest. Qal ukoll li mhux jemmen li l-imputat jista’ joqgħod għall-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.
Għalhekk ġie ordnat li l-akkużat jibqa’ jinżamm taħt arrest.