Sunday, November 3, 2024

Mixli bi 18-il akkuża fosthom li tajjar kuntistabbli off-duty u baqa’ sejjer

Aqra wkoll

Belti ta’ 34 sena nżamm arrestat b’rabta mal-inċident ta’ hit-and-run li seħħ ilbieraħ fil-Marsa, li matulu kien ittajjar kuntistabbli tal-pulizija off-duty fil-Marsa u ġew sparati wkoll xi tiri ta’ twissija mill-pulizija.

Keith Cremona kien mixli b’xejn inqas minn 18-il akkuża li jinkludu ħsara f’karozza tal-pulizija, ikkaġunar ta’ ġrieħi ħfief fuq żewġt irġiel, sewqan traskurat u li għamel ħsara fuq tliet muturi.

Cremona kien akkużat ukoll li saq Hyundai Lantra mingħajr ma kellu liċenzja jew polza ta’ assigurazzjoni, li naqas milli jieqaf wara li kien involut f’inċident tat-traffiku u rrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu lill-pulizija u li saq fuq in-naħa l-ħażina tat-triq. 

Akkużi oħra kontrih li nġiebu kontrih jinkludu pussess ta’ eroina, li ġarr strument li jaqta’ u bil-ponta fil-pussess tiegħu mingħajr liċenzja, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u l-kundizzjonijiet ta’ ordni ta’ probation u li sar reċediv. 

Cremona, li qal fil-Qorti li kien jaħdem f’negozju tal-familja, wieġeb mhux ħati tal-akkużi. F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqastant baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Rodrick Spiteri. 

L-Avukat David Gatt u Ishmael Psaila dehru għall-imputat.

Sport