Sunday, December 28, 2025

Mixli bil-kultivazzjoni ta’ 34 pjanta tal-kannabis f’residenza f’Ħ’Attard

Aqra wkoll

Grieg ta’ 42 sena residenti Ħ’Attard baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli bil-kultivazzjoni ta’ 34 pjanta tal-kannabis.

Nestoras Spathas kien arrestat is-Sibt li għadda wara jiem ta’ investigazzjonijiet u sorveljanza mill-pulizija fuq residenza f’Ħ’Attard.

Fil-Qorti nstema’ li ġie deċiż li jiġi aċċessat dan il-post fejn sabu lill-mara tal-imputat, ammont ta’ pjanti tal-kannabis kif ukoll madwar kilo u nofs kannabis lesta biex tiġi ppakkjata. Intqal li ftit tal-ħin wara, l-imputat wasal fuq il-post u ngħata d-drittijiet tiegħu.

L-Ispettur Mark Mercieca, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega fil-Qorti kif l-imputat kien ammetta fuq il-post li dik l-operazzjoni kienet magħmula minnu stess u kkonferma dan anke fl-istqarrija li ta lill-pulizija.

Spathas ġie mixli bil-kultivazzjoni u l-pussess tal-pjanta kannabis, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Huwa kien mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu droga jew sustanza psikoattiva ġdida.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li f’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, laqgħet ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni u ħarġet ordni ta’ ffriżar tal-assi fil-konfront tal-imputat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport