Tuesday, February 3, 2026

Mixli bil-pussess aggravat tal-kannabis

Aqra wkoll

Nikolaos Tholiotis ta’ 30 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli b’pussess aggravat tal-kannabis.

Fil-Qorti nstema’ kif l-arrest tal-imputat isegwi dak ta’ raġel ieħor – Luis Vogt – li seħħ il-ġimgħa li għaddiet.

B’rabta mal-arrest ta’ dan tal-aħħar, il-pulizija kienu sabu 19-il pjanta tal-kannabis fir-residenza tiegħu fis-Swatar u 850 gramma kannabis. Huwa kien tressaq il-Qorti l-ġimgħa l-oħra mixli bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus.

Ġurnata qabel l-arrest ta’ Vogt, il-pulizija kienu qed isegwu l-movimenti madwar ir-residenza tiegħu fejn ġew osservati żewġt irġiel – wieħed minnhom Tholiotis. Huwa flimkien ma’ terza persuna dehru ħerġin mid-dar ta’ Vogt iġorru basket bejniethom u telqu minn fuq il-post b’mutur tal-kiri. 

Il-pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha u kisbet mandat t’arrest għaż-żewġt irġiel. Meta marru fl-indirizz fis-Swatar, Tholiotis ħareġ mir-residenza u eventwalment kien arrestat.

Waqt tfittxija fir-residenza, il-pulizija sabu ċavetta ta’ karozza tal-kiri u l-imputat infurmahom li din kienet ipparkjata f’Paceville. Minn tfittxija fil-bagoll ta’ din il-karozza, il-pulizija sabu borża sewda li fiha kien hemm tliet boroż bil-kannabis. 

Tholiotis tressaq fil-Qorti lbieraħ mixli li kien fil-pussess tal-kannabis, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, kif ukoll bi traffikar ta’ droga u assoċjazzjoni kriminali. 

Huwa ċaħad l-akkużi iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadia-Helena Vella laqgħet ukoll it-talba biex tinħareġ ordni ta’ ffriżar tal-assi fil-konfront tal-imputat. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Valentina Cassar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Nico Zarb.

L-Avukati Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb dehru għall-imputat. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport