Olandiż ta’ 33 sena residenti Tas-Sliema baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li kien mixli b’importazzjoni u pussess tal-ħaxixa tal-kannabis.
Fil-Qorti nstema’ kif Youri Kai Smith kien arrestat wara li l-pulizija ġiet infurmata mill-kumpanija FedEx, li waqt spezzjoni nstab pakkett indirizzat lilu, b’madwar tliet kilogrammi ħaxixa tal-kannabis.
Żied jingħad li l-imputat ġie arrestat fir-residenza tiegħu f’Tas Sliema u li minn tfittxija li saret f’dan l-appartament, instabet borża oħra mimlija ħaxixa tal-kannabis fil-gwardarobba, kaxxa u xi qratas vojta.
Quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, l-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża tgħid li f’dan l-istadju ma kinitx se tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion flimkien mal-Avukat Ylenia Marie Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-imputat dehru l-Avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Joseph Borda.