Raġel li allegatament ta daqqiet b’arma li taqta’ u bil-ponta lill-ġara tiegħu fi blokka ta’ appartamenti f’Marsaxlokk inżamm taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Theodore Spiteri ta’ 32 sena kien arrestat wara li l-Erbgħa li għadda, għall-ħabta tat-8.10 a.m., l-allegata vittma ċemplet l-Għassa ta’ Birżebbuġa fejn allegat li kienet ġiet attakkata b’sikkina.
L-uffiċjali tal-Pulizija kienu marru fi Triq Lepanto fejn seħħ l-allegat każ. Hemmhekk sabu mara bi dmija fuq wiċċha u bi ġrieħi viżibbli fuq in-naħa ta’ fuq ta’ ġisimha.
Spiteri tressaq ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace fejn ġie mixli b’attentat ta’ qtil, li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi fuq il-vittma, li ġarr sikkina mingħajr permess u li kiser il-paċi pubblika.
F’dan l-istadju d-Difiża ma għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u għaldaqstant baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Valentina Cassar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Wayne Bonello.
L-Avukati Alfred Abela u Ishmael Vella dehru għal Spiteri.