Raġel ta’ 47 sena b’fedina penali kkulurita nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli b’pussess aggravat ta’ kokaina u eroina.
Paul Michael Kavanagh kien arrestat fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għadda fil-Gżira. Minn tfittxija li kienet saret fil-karozza tiegħu, il-Pulizija sabu aktar minn 30 pakkett li allegatament kien fihom crack cocaine u eroina.
Fil-Qorti, Kavanagh wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kien fil-pussess tal-imsemmija droga, li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, u li kien reċediv.
Huwa baqa’ jinżamm arrestat wara li l-Qorti rat “il-karattru rafrettarju tiegħu” u l-istadju bikri tal-proċeduri. Ġiet imposta wkoll ordni ta’ superviżjoni temporanja kif ukoll ordni ta’ ffriżar.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Ylenia-Marie Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Alfredo Mangion. L-Avukat Francesca Zarb dehret għall-imputat.