Raġel ta’ 56 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli b’diversi akkużi li jvarjaw minn reati finanzjarji sa theddid u anke inġurji.
Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tressaq quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Huwa ġie mixli li wettaq kummerċ mingħajr ma kellu liċenzja u li ħadem fis-suq finanzjarju mingħajr liċenzja valida.
Akkużi oħra kontrih jgħidu li hedded u inġurja persuna oħra, li għamel użu ħażin ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika, li hedded li jwettaq reat u li kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza kontra l-persuna l-oħra.
Filwaqt li ċaħad l-akkużi, l-imputat ingħata l-libertà proviżorja taħt depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €20,000.
L-Avukati Franco Debono u Lennox Vella dehru għall-imputat.