Jean Claude Fava ta’ 25 sena residenti Ħaż-Żabbar baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’serq minn vetturi u ħanut f’Ħaż-Żabbar u minn sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla.
L-imputat, li qal li kien jaħdem fl-industrija tal-kostruzzjoni iżda bħalissa ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
L-akkużi jinkludu serqa li seħħet fil-25 ta’ Novembru, minn vettura, bl-imputat jingħaraf permezz ta’ filmati minn CCTV minħabba li kien bl-istess ħwejjeġ meta allegatament seraq.
Huwa allegatament seraq ukoll minn ħanut tal-merċa u minn vettura oħra, bis-sid tgħid li identifikat lill-ħalliel u l-affarijiet kienu ritornati. Fava jinsab akkużat ukoll li seraq ram minn sit ta’ kostruzzjoni.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u l-possibbiltà ta’ ntralċ ta’ provi.
Il-Maġistrat Monika Vella qalet li l-imputat kien diġà ngħata tliet opportunitajiet għall-ħelsien mill-arrest u sadanittant reġa’ tressaq il-Qorti. Għaldaqstant qed tqis li l-imputat mhuwiex lest li joqgħod għall-kundizzjonijiet li l-qorti qed timponi fuqu u f’dan l-istadju ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.


