Alexander Mifsud ta’ 44 sena minn Santa Luċija baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’serqa minn ħanut f’Raħal Ġdid.
Kien il-Ħamis li għadda, għall-ħabta tat-2.40 a.m., meta l-Pulizija li kienu fuq ronda fi Pjazza Antoine De Paule, innotaw vetrina ta’ ħanut imkissra.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li vettura, tal-għamla Toyota, daħlet fil-vettrina u mill-karozza niżlet persuna fejn allegatament serqet numru ta’ oġġetti u wara ħarbet minn fuq il-post.
Minnufih bdiet tfittxija għal din il-vettura fejn din instabet fi Triq Xintill, Ħal Tarxien. Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li din kienet insterqet ftit tal-ħin qabel minn Ħal Tarxien stess u rriżulta wkoll li l-allegat ħalliel, wara li abbanduna l-ewwel vettura, telaq b’vettura oħra. Ftit mumenti wara, il-Pulizija identifikat din it-tieni vettura fejn instabet f’Santa Luċija, bil-persuna suspettat li wettqet is-serqa ġo fiha. Huwa kien arrestat fuq il-post.
Mifsud tressaq fil-Qorti l-Ġimgħa fejn ġie mixli b’diversi akkużi fosthom li fl-4 t’Ottubru seraq €50 fi flus kontanti minn vettura f’Santa Luċija, u li fil-lejl ta’ bejn is-7 u t-8 ta’ Ottubru seraq vettura Toyota minn Ħal Tarxien, kif ukoll li xjentement laqa’ għandu jew xtara oġġetti misruqa.
Akkużi oħra jirrigwardaw is-serq ta’ diversi oġġetti minn ħanut f’Raħal Ġdid, bejn is-1.00 a.m. u t-3.00 a.m. tat-8 ta’ Ottubru.
Huwa ġie akkużat ukoll li kkawża ħsarat ta’ aktar minn €2,500 fi proprjetà, kif ukoll ħsarat fi proprjetà ta’ sid il-vettura Toyota.
Il-prosekuzzjoni talbet ukoll li Mifsud jitqies bħala reċidiv minħabba sentenzi preċedenti li saru definittivi.
Mifsud wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li ma saet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christina Delia u Carmen Karen Cassar, flimkien mal-Avukat Giulia Bartolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

