Stefan Demicoli ta’ 28 sena inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li seraq minn residenza f’Pembroke u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ukoll fuq akkużi ta’ serq.
Fil-Qorti nstema’ kif nhar is-Sibt li għadda, il-Pulizija kienet irċeviet rapport li f’Pembroke kien hemm raġel li kien qed jinżamm minn xi nies wara li nqabad jisraq minn appartament. Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn ġie arrestat l-imputat u ttieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan.
Fil-Qorti, id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-fedina penali tal-akkużat u l-fatt li għad fadal xhieda li għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri.
Wara li l-Qorti semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qoti pproseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jinżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Xuereb. Għall-imputat deher l-Avukat Martin Farrugia.