Saturday, July 26, 2025

Mixli li 5 snin ilu kien kompliċi fis-serq ta’ arloġġ minn Tas-Sliema

Aqra wkoll

Luigi Capuano, ta’ 37 sena minn Napli li allegatament kien involut f’serqa li saret fi Frar tal-2020 baqa’ jinżamm arrestat hekk kif tressaq il-Qorti wara li ġie estradit lejn Malta.

Capuano kien mixli li fit-22 ta’ Frar 2020, u fiż-żmien ta’ wara, għamel użu minn kitba falza.

It-Taljan kien mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li l-għada 23 ta’ Frar tal-istess sena, fi Triq Sir Adrian Dingli f’Tas-Sliema, kien kompliċi f’serqa ta’ arloġġ. Hu kien mixli wkoll li kien involut f’organizzazzjoni kriminali u anke li kiser diversi sentenzi tal-Qrati Maltin.

Meta mistoqsi xi jwieġeb għall-akkużi fil-konfront tiegħu, Capuano wieġeb mhux ħati. Id-difiża qalet li f’dan l-istadju mhux se tkun qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat. Għalhekk il-Qorti ordnat li l-imputat jibqa’ jinżamm taħt arrest.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Dejan Darmanin, Daniel Vancell u Miguel Taliana mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Assistent Kummissarju Fabian Fleri, is-Supretendent Jonathan Ransley u l-Ispettur Lydon Zammit.

Intant fis-serqa msemmija kienu nvoluti żewġ ħallelin oħra li kienu fuq mutur li allegatament aggredew u serqu żewġ persuni li kienu mexjin fit-triq billi wieħed minnhom niżel minn fuq il-mutur u ħataf arloġġ ta’ wieħed mill-vittmi. 

Il-ħallelin ħarbu min fuq il-post bil-mutur instab mill-Pulizija qrib il-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan.

Wieħed mill-ħallelin kien Taljan ukoll ta’ 50 sena li kien jifforma parti minn dan il-grupp kriminali li kienu jisirqu arloġġi lussużi. Hu kien ġie arrestat u anke tressaq il-Qorti.

Huwa ma kienx ammetta l-akkużi miġjuba kontrih imma f’Diċembru li għadda nstab ħati mill-Qorti u ġie kkundannat għal piena ta’ seba’ snin ħabs li tnaqqset għal 3 snin fl-appell.

Ir-raġel l-ieħor li kien fuq il-mutur kien tressaq il-Qorti fl-2020 u kien instab ħati tal-akkużi tant li kien ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża.

Il-kompliċi l-ieħor kien ħareb lejn l-Italja, fejn ġie arrestat xi żmien wara wara li nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew, u nġieb Malta tard il-Ħamis bil-lejl, minn Ruma, eskortat mill-Pulizija Maltija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport